Caritas Malta temmen li l-Budget tal-Gvern għandu jkun strument biex jippromwovi ġustizzja soċjali, sostenibbiltà u governanza tajba, u b’hekk huma niedew dokument bi 15-il proposta li huma jixtiequ jaraw fil-Budget li jmiss.
Huma sostnew li dawn il-proposti ġejjin mill-missjoni ta’ Caritas Malta favur ġustizzja soċjali, u mill-kuntatt ta’ kuljum li għandha l-Caritas ma’ persuni li huma fost l-aktar vulnerabbli.
Il-Caritas qed tipproponi li jkun hemm parental leave itwal għaż-żewġ ġenituri, u li jkun hemm appoġġ finanzjarju ikbar għal min ikollu tarbija – aspett li anke l-PN qed jagħfas ħafna fuqu b’diversi proposti favur il-familji.
Fil-kategorija tal-proposti għas-servizzi soċjali neċessarji, huma pproponew li jkun hemm servizz għal-persuni bla saqaf fuq rashom li jkollom problemi ta’ saħħa mentali u ta’ droga.
B’dan is-servizz, il-persuni fil-bżonn jingħataw għajnuna speċjalizzata kif ukoll post fejn il-persuni jistgħu jorqdu u jistabilizzaw ruħhom… dan minflok jiġu arrestati għax qed jgħixu fit-triq.
Huma proponew li tfal u żgħażagħ bi problema serja u perikoluża ta’ mġiba ikollom servizz speċjalizzat ta’ secure unit – u mhux jispiċċaw il-ħabs.
Fil-kategorija tal-proposti għall-bżonnijiet bażiċi u aċċess għall-ikel bnin, Caritas Malta issuġġeriet li parti mill-benefiċċji soċjali jingħataw f’forma ta’ flus diġitali għall-familji vulnerabbli, li jkun hemm ġardinaġġ komunitarju u aktar aċċessibbilità għas-swieq tal-bdiewa b’faċilitajiet għall-anzjani u dawk bi problema ta’ mobilita’. Qed ikun propost li jiġi stabbilit ċentru biex ikel li jkun se jintrema jinġabar biex jitqassam lill-familji fil-bżonn, u li jingħataw vawċers għall-frott u ħaxix lokali bħala parti mill-kura ħolistika għall-prevenzjoni u l-kura ta’ mard kroniku.
Fil-kategorija tal-proposti għall-akkomodazzjoni, infrastruttura u ambjent naturali, huma pproponew li jsir studju dwar bini ta’ units iżgħar, li kwalunkwe Infrastruttura tilqa’ għaż-żieda fil-popolazzjoni b’rispett lejn l-ambjent, li jinstabu soluzzjonijiet biex tonqos id-dipendenza fuq il-karozzi, u li jkun hemm standards għal turiżmu sostenibbli.
Filwaqt li fil-kategorija tal-proposti għall-kontabbilita’, infurzar u xogħol, huma proponew li jkun hemm tisħiħ tal-infurzar mill-awtoritajiet biex jiġġieldu abbużi u l-mentalità ta’ xejn mhu xejn . Huma pproponew ukoll li jkun hemm protezzjoni ta’ ħaddiema barranin mill-abbuż, u li jkun hemm inċentivi lin-negozji li jadottaw mudell ekonomiku soċjali bbażat fuq il-primat tal-persuna, u li jkollhom l-ambjent fiċ-ċentru tal-investimenti tagħhom.
//= $special ?>