Basketball Sport

Christina Curmi tibda b’rebħa għal Starlites Revive fil-John Tabone Shield

(Ritratt: Elton Sant)

Colin Schembri

Caffè Moak Luxol………..57

Starlites Revive……………63

(10-23)(14-14)(18-16)(15-10)

Starlites Revive kisbu rebħa ta’ 63-57 fuq Caffe Moak Luxol fil-John Tabone Shield wara wirja kollettiva ta’ kontroll u effiċjenza. Il-partita kienet deċiża l-aktar fl-ewwel sessjoni, meta Starlites bdew b’pressjoni għolja u kisbu vantaġġ ta’ 13-il punt li żammew sal-aħħar. Il-vantaġġ tagħhom ġie bbażat fuq difiża organizzata li ġabet 30 punt minn turnovers u effiċjenza aħjar fil-perċentwal ta’ tiri (42% kontra 40%). Luxol kienu aktar b’saħħithom taħt il-board (34 rebound kontra 33), iżda Starlites kienu aktar effettivi fil-moviment tal-ballun u fit-tranżizzjoni, b’run ta’ 15-6 fit-tieni sessjoni li ikkonsolida r-riżultat finali.Starlites kellom bidla fit-tmexxija fejn wara t-tluq ta’ Peter Shoults posthu ħadithu l-ex player tagħhom Christina Curmi. Huma tilfu wkoll lil Michela Zammit Cordina li se tkompli tilgħab fl-Italja u għada nieqsa Catherine Cilia. Luxol kienu mingħajr Lisa Fenech Pace u postha ħadithu Adria Xuereb. Fil-bidu tal-partita kien hemm trippla fuq kull naħa minn Sarah Sciberras u Mikela Riolo. Wara trippla oħra din id-darba mill-Amerikana Olivia Wikstrom, Starlites għamlu run ta’ 15-0 bi trippli ta’ Mikela u Philippa Riolo.  Wara time-out, kien hemm risposta minn Wilstrom għal Luxol però Starlites komplew b’5 punti oħra fosthom trippla ta’ Giorgia Haverlock biex temmew l-ewwel sessjoni 23-10 minn fuq. Starlites bdew it-tieni sessjoni bl-istess andament hekk kif għamlu 8 punti mingħajr risposta bi trippli ta’ Becky Naudi u M. Riolo u f’nofs is-sessjoni kienu 31-13 minn fuq. Trippla ta’ Jada Said tat ftit tan-nifs lil Luxol li però komplew isofru l-pressjoni ta’ Starlites b’aktar punti minn Naudi u Haverlock. Luxol għalqu t-taqsima b’żewġ baskets għal skor ta’ 24-37.

Wara bidu kwiet fit-tielet taqsima, iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin biex Starlites żammew vantaġġ b’figuri doppji. Naudi kompliet bil-ġurnata tajba tagħhahekk kif għamlet trippla oħra flimkien mal-free-throws ta’ Haverlock li reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 14 -il punt. Eve Axisa għamlet l-aħħar punti ta’ Luxol għalkemm bejniethom kien hemm il-punti ta’ Haverlock biex Starlites temmew it-taqsima 53-42 minn fuq. Luxol tħabtu biex jidħlu fil-partita fl-aħħar sessjoni u naqqsu d-distakk għal 8 punti fl-ewwel tlett minuti wara baskets ta’ Sarah Sciberras u Vanya Baldacchino. Luxol komplew permezz ta’ Wikstrom u f’nofs it-taqsima waslu sa’ 3 punti ‘l bogħod. Wara punti minn Mariah Fenech, Luxol għamlu 5 punti konsekuttivi għal distakk ta’ basket però Starlites żammew sod u ħarġu rebbieħa 63-57

Caffè Moak Luxol: G. Carabott , K. Magro, E. Axisa 9, H. Galea, R. Fenech Pace 2, A. Xuereb, J. Said 2, E. Abela, S. Fenech Pace 7, O. Wikstrom 27, V. Baldacchino 2, S. Sciberras 7.

Starlites Revive: Y. Ferrando, M. Riolo 11, J. Formosa, P. Riolo 7, A. Cassar Seguna, S. Abugrin, M. Fenech 6, R. Naudi 19, G. Haverlock 20, F. Vella, L. Zammit, K. Gatt

Referees: Gordon Barbara, Wendell Lim

Betsson Depiro…….97

Valletta Dream…….43

(29-12)(19-11)(25-8)(24-12)

Betsson Depiro kisbu rebħa dominanti ta’ 97-43 fuq Valletta Dream fit-tieni partita, f’wirja fejn kienu superjuri f’kull aspett tal-logħba. It-tim ta’ Julian Naudi ħoloq il-vantaġġ kmieni grazzi għal pressjoni fuq il-pussess tal-ballun tal-avversarji u tranżizzjoni veloċi, li wasslet għal 47 punt minn turnovers u 44 punt mill-fast breaks. Depiro wkoll sfruttaw l-ispazju fiż-żona b’56 punt u kienu effiċjenti fit-tiri ta’ żewġ punti (48%). Valletta, li sofrew 42 turnover, sabu diffikultà jorganizzaw l-attakk minkejja li kienu aħjar fir-rebounding (55 kontra 49). L-andament tal-partita baqa’ wieħed kontrollat minn Depiro sal-aħħar. Depiro irkupraw lil Julia Borg fl-ewwel dehra tagħha dan l-istaġun però għal din il-partita kienu mingħajr il-captain Claire Privitera u Joselle Borg Cardona. Il-bidu tal-partita kien kollu f’idejn id-Depiro li għamlu run ta’ 16-0 fejn fost l-oħrajn kien hemm il-punti tal-Amerikana Lovely Sonnier bi trippla flimkien ma’ Julia Borg u Neve Borg. L-ewwel punti ta’ Valletta ġew fil-ħames minuta bi trippla ta’ Hayley Grixti però Depiro komplew b’run oħra ta’ 9-2 bi trippla oħra ta’ Sonnier u temmew l-ewwel sessjoni 29-12 minn fuq hekk kif Olesia Malashenko kellha trippla għal Valletta. It-tieni sessjoni fetħet bl-istess andament tal-ewwel waħda meta trippla ta’ Samira Deguara bdiet run ta’ 16-0 minn Depiro. Kien hemm ukoll punti minn Sophie Abela u Nicole Agius qabel ma Malashenko waqqfet il-mixja tac-champions. Wara li Andrea Tollar Lopez għamlet trippla għal Depiro, Valletta rnexxielhom jagħqqdu run ta’ 9-0 bill-punti ta’ Malashenko u trippla ta’ Sarah Kankaras għal skor ta’ 48-23. 

Wara l-intervall kien hemm punti fuq kull naħa biex Depiro kabbru l-vantaġġ 56-27. Wara risposta minn Valletta b’ħames punti konsekuttivi, Depiro kellhom it-trippli ta’ Julia Borg u Sonnier hekk kif għalqu t-taqsima bi break ieħor ta’ 15-1 għal skor ta’ 71-33. L-aħħar taqsima li fetħet bi break ieħor ta’ 10-0 minn Depiro, serviet l-aktar biex il-players kollha ta’ Depiro jniżżlu isimhom fost l-iskorers fosthom Ylenia Mangion li flimkien ma’ Deguara u Jasmine Mallia fost l-oħrajn għalqu l-partita bi break ieħor ta’ 12-0 għal skor finali ta’ Depiro 97 Valletta 43. B’hekk fis-semi-finali, Depiro jiltaqgħu kontra Luxol fil-waqt li Starlites jiltaqgħu kontra Hibernians.

Betsson Depiro: S. Abela 4, Y. Mangion 5, N. Agius 6, J. Borg Xerri 9, A. Tollar Lopez 7, C. Fenech 6, J. Borg 9, N. Borg 6, L. Sonnier 20, S. Deguara 14, H. Farag 4.

Valletta Dream: A. Parnis, M. Stefanovic, O. Malashenko 28, M. Momcilovic 5, A. Caballero, H. Grixti 5, M. Mifsud, A. Nikishina, N. Montalvo 2, S. Kankaras 3.

Referees: Nestor Rincon, Jacques Siefert