Lokali

“Dan huwa l-kapitlu ġdid tal-PN – id-dar naturali taż-żgħażagħ” – Il-Kap tal-PN Alex Borg

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

“Illum, qed insejħulu t-tmiem tal-Kunsill Ġenerali, jien nsejjaħlu l-bidu ta’ kapitlu ġdid tal-PN, kapitlu ta’ tiġdid, ta’ għaqda, kapitlu rebbieħ tal-Partit Nazzjonalista.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg fl-indirizz tiegħu fl-għeluq tal-Kunsill Ġenerali fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista hekk kif insista li l-politika tal-aħna u l-huma spiċċat darba għal dejjem.

Alex Borg saħaq li hu jrid jixpruna politika li tisma’ u tattwa, waħda ħanina li mhux egoista, politika man-nies u tan-nies.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li l-poplu Malti u Għawdxi ma jridx biss min imexxih imma min jgħidlu l-verità u min ikun spalla ma’ spalla miegħu quddiem id-diversi sfidi li jħabbat wiċċu magħhom.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg sostna li dan huwa l-mument li l-poplu jerġa’ jinżralu t-tama u li preżentament huwa biss il-Partit Nazzjonalista li huwa s-soluzzjoni għal ġejjieni aħjar fejn spjega li dan iż-żgħażagħ qed jarawh.

Alex Borg sostna li dan il-budget li ġej irid jindirizza numru ta’ sfidi fosthom it-traffiku – bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jgħid li ma jistax jibqa’ jkollna dan il-kollass totali u stress mentali fuq kulħadd.

Għaldaqstant saħaq li bħal ma’ diġà ppropona lill-Prim Ministru Robert Abela ma jistax dan il-pajjiż jiddiskuti s-soluzzjoni tat-trasport tal-massa b’mod partiġjan iżda għandu jiġi xprunat l-interess nazzjonali l-ewwel u qabel kollox – irrelevanti min ikun fil-Gvern.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem fuq iż-żieda fil-popolazzjoni u l-ħtieġa tal-LabourMarket Study madanakollu spjega li l-Gvern Laburista għaddej mhedi jattakka biss lill-Partit Nazzjonalista.

Alex Borg sostna li d-doża ta’ gideb tal-Partit Laburista qed tiżdied jum wara l-ieħor u ċaħad li tkellem kontra pajjiżu fi Brussell iżda insista li l-aġenda tiegħu u tal-Partit Nazzjonalista kienet biss li żżomm fil-quċċata l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi.

Huwa saħaq li ż-żgħażagħ qed jirrealizzaw li d-dar naturali tagħhom hija fi ħdan il-Partit Nazzjonalista bl-entużjażmu qed jinħass bil-kbir – Partit fejn ħadd ma huwa eskluż – partit miftuħ li lest li jilqa’ fi ħdanu kull min irid javviċinah.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo