Żdiedu d-dubji dwar kemm jiflaħ iżomm il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied f’Gaza li daħal fis-seħħ ftit tal-jiem ilu biss bejn Iżrael u l-grupp terroristiku tal-Ħamas….Dan meta l-ajruplani tal-qawwiet tad-difiża Iżraeljani, fl-aħħar sigħat, attakkaw l-inħawi ta’ Rafah, bi tweġiba għal attakk għall-għarrieda mill-Ħamas fuq it-truppi ta’ Iżrael stazzjonati f’dawk l-inħawi.
Il-medjaturi fil-Lvant Nofsani, intant, kienu qed jippruvaw jikkalmaw l-affarijiet waqt li l-Iżraeljani indikaw li lesti b’aktar reazzjonijiet għall-attakk tal-Ħamas…Attakk li l-Gvern Iżraeljan sejjaħ bħala ‘abbuż sfaċċat tal-kundizzjonijiet għall-waqfien mill-ġlied min-naħa tat-terroristi’.
Fil-fatt, il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, ħareġ direttivi ċari lill-uffiċjali tad-difiża u s-sigurtà ta’ pajjiżu biex iwettqu ‘l-azzjonijiet intensivi’ fuq l-interessi tat-terroristi madwar il-Medda ta’ Gaza.
Fl-istess ħin, il-kelliema għall-Ħamas f’Gaza qalu li ‘ma kenux konxji’ dwar il-konfronti armati f’Rafah. Huma enfasizzaw li l-grupp militanti hu impenjat għall-waqfien mill-ġlied. waqt li allegaw li huma, fil-fatt, l-Iżraeljani li ‘qegħdin ikomplu jabbużaw dan il-ftehim’.
Il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied jirrikjedi li l-qawwiet Iżraeljani jirtiraw mill-ibnadi ta’ Gaza — iżda, fl-istess ħin, jippermetti biex it-truppi jibqgħu jokkupaw xorta lid-diversi zoni, fosthom il-belt ta’ Rafah.
Il-militar Iżraeljan qed jgħid li l-ġellieda tal-Ħamas, kmieni l-Ħadd, fetħu n-nar fuq it-truppi tiegħu li kienu qed iżarmaw l-infrastruttura tal-Ħamas fiz-zona ta’ Rafah, lejn in-nofsinar ta’ Gaza, skont il-kriterji tal-ftehim sponsorjat mill-Istati Uniti. Ingħad ukoll li l-Ħamas sparaw il-missili għal kontra t-tankijiet f’din l-azzjoni u fejn ma ndarab ħadd fost is-suldati.
Minnufih, il-qawwiet Iżraeljani fetħu sensiela ta’ attakki fuq iz-zona fejn seħħ dan l-attakk u fejn sparaw il-missili biex jeliminaw it-theddida tat-terroristi. L-ajruplani miraw ukoll il-missili lejn ix-xafts tal-mini u għal strutturi militari oħrajn li kienu qed jużaw il-Ħamis.
Il-messaġġ ċar ta’ Iżrael hu li l-qawwiet tiegħu se jkompli jirreaġġixxu bil-qawwi u b’mod determinat kull darba li l-Ħamas jidher li qed jikser l-obbligi tiegħu skont il-ftehim.
Sadanittant, it-tobba fl-Isptar ta’ Aqsa qalu li nqatlu sitt Palestinjani b’kaġun ta’ attakk mill-ajru fuq il-belt ta’ al-Zawaida, fiċ-ċentru ta’ Gaza. Dan meta l-ajruplani laqtu parti minn kafeterija viċin ta’ bajja u bl-isplużjonijiet, waqt l-attakki, jinstemgħu anki f’diversi bnadi lejn iċ-ċentru u n-nofsinar ta’ Gaza.
Min-naħa tagħha, l-Istati Uniti qed tħeġġeġ biex il-Ħamas jieqaf mal-ewwel mill-vjolenza u biex it-terroristi ma jkomplux jisparaw għal fuq iċ-ċivili Palestinjani innoċenti li jissuspettawhom bħala kollaboraturi ma’ Iżrael. Il-Gvern Amerikan qed jinsisti wkoll biex l-affarijiet jikkalmaw kemm fiz-zoni ta’ Gaza kontrollati mill-Ħamas u anki fl-artijiet ta’ wara l-linji stabbiliti għall-irtirar tal-militar Iżraeljan.
Il-Gvern Amerikan enfasizza li qed jaħdem ma’ Iżrael biex jinħolqu aktar spazji qalb l-artijiet ta’ Gaza taħt il-kontroll tal-qawwiet Iżraeljani, bil-ħsieb li jinħolqu z-zoni ta’ sigurtà għall-Palestinjani li qed iħossuhom taħt theddida diretta mill-Ħamas.
//= $special ?>