Lokali

Ħati li seraq minn ħanut tal-ħelu f’Ħal Tarxien

Antonio Mangion ta’ 40 sena, instab ħati li wettaq hold-up fuq ħanut tal-ħelu f’Ħal Tarxien, li żamm lil żewġ ħaddiema kontra r-rieda tagħhom u li darab ħafif lil waħda minnhom.

Bil-Qorti ma tatix piena ta’ ħabs effettiva sabiex ikun jista’ jirriabilita.

Il-każ seħħ fil-5 ta’ Ottubru tal-2021, meta r-raġel daħal fil-ħanut, waddab borża, fuq il-bank u qalilhom biex jagħtuh il-flus. Waħda mill-impjegati qabdet il-borża u garatielu, bir-raġel joħroġ jidgħi mill-ħanut.

Minnufih il-pulizija ġiet infurmata bil-każ u meta marret fuq il-post sabet li l-ħalliel kien diġà ħarab.

Il-pulizija ċċekkjat il-kameras tas-sigurtà u identifikat lill-akkużat bħala r-raġel li daħal iwettaq il-hold-up.

Intant waqt interrogazzjoni li saritlu, Mangion ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih, u sostna li kellu problemi finanzjarji u li l-arma kienet ġugarell.

Fil-Qorti, l-akkużat ammetta li kien jieħu d-droga imma sostna li ilu nadif mill-vizzju għal sena u xahar.

Il-Maġistrat, Donatella Frendo Dimech, ikkundannatu 20 xahar ħabs sospiżi għal 4 snin u ħarġet ordni ta’ superviżjoni ta’ 3 snin biex ikun jista’ jiġi megħjun

Mangion kien ordnat ukoll iħallas €1,000 f’10 xhur lil waħda mill-impjegati talli feriha, iħallas ukoll €3,728 fi spejjeż tal-Qorti u biex ma jagħmilx kuntatt mal-vittmi għal tlett snin.