Lokali

“Il-poplu Malti u Għawdxi qed iħares lejn il-PN bħala Gvern alternattiv b’saħħtu” – Mark Anthony Sammut

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

“Il-poplu Malti u Għawdxi qed iħares lejn il-Partit Nazzjonalista bħala Gvern alternattiv b’saħħtu u għaljekk se tkompli l-ħidma fl-interess tal-poplu kollu.”

Hekk stqarr il-President tal-Kunsill Ġenerali Mark Anthony Sammut waqt il-Kunsill Ġenerali li sar il-Ħadd filgħodu fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista hekk kif matul din il-ġimgħa saru elezzjonijiet għall-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

Mark Anthony Sammut spjega li xahar u nofs ilu ġie elett Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista u minn dakinhar bdiet tinħass enerġija ġdida li kompliet tikber ma’ kull attività li tiġi organizzata.

Huwa fakkar li madwar ġimgħa ilu l-Partit Laburista vvota kontra l-mozzjoni li tagħmel l-ambjent dritt fundamentali fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna – mozzjoni li kienet se tissalvagwadja l-ambjent għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Spjega li din il-mozzjoni bl-ebda mod ma kienet se xxekkel id-delizzji, il-festi jew l-isport f’pajjiżna. Mark Anthony Sammut saħaq li dak kollu li jipproponi l-Partit Nazzjonalista, Gvern Laburista jivvota kontra.

Mark Anthony Sammut sostna li l-poplu Malti u Għawdxi qed iħares lejn il-Partit Nazzjonalista bħala Gvern alternattiv b’saħħtu u għalhekk se jkompli juri li Gvern Nazzjonalista lest li jwettaq il-proposti li l-Partit Laburista qed iħalli fuq l-ixkaffa.