“Inħobbkom” – dan huwa l-isem tal-ktieb li se jfakkar il-ħajja ta’ Monsinjur Victor Grech dan wara li Caritas Malta nediet dan il-ktieb propju fil-jum li kieku kien jagħlaq għeluq sninu.
Għal din it-tnedija attendew numru nies u kontributuri fil-ktieb li lkoll kellhom rapport mill-qrib b’mod jew ieħor ma’ Monsinjur Victor Grech. Fost dawn kien hemm ukoll ħaddiema ta’ Caritas Malta u persuni mill-komunità tal-Parroċċa Tal-Ibraġ fejn Dun Victor għex fl-aħħar snin ta’ ħajtu.
Il-ktieb hu mqassam f’sezzjonijiet differenti u b’kollox fih 350 paġna.
Għat-tnedija tkellmu l-Vigarju Episkopali għall-Ħidma fid-Djakonija Monsinjur Martin Micallef, id-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt, iċ-Chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri, żewġ neputijiet ta’ Monsinjur Grech u Joe Cassar, l-editur tal-ktieb, li spjega li dan il-ktieb kien xewqa ta’ Dun Victor innifsu u staqsa għalih proprju jumejn biss qabel il-mewt tiegħu fil-5 ta’ Frar li għadda.
Hu qal li l-isem tal-ktieb, INĦOBBKOM, kien jirrifletti kelma li Dun Victor tant kien iħobb ilissen, speċjalment lir-residenti tal-programmi ta’ riabilitazzjoni lil persuni dipendenti mis-sustanzi f’San Blas, immexxija mill-Caritas Malta.
Intant, Il-ktieb INĦOBBOK jista’ jiġi akkwistat billi wieħed jidħol fis-sit ta’ Caritas Malta u jimla l-formola li jsib hemmhekk.
//= $special ?>