Għaddew iktar minn 24 siegha mill-bidu tas-46 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race u l-flotta qed timxi ‘l quddiem b’pass tajjeb.
Matul il-lejl, il-front ta’ pressjoni baxxa – li kien mbassar – seħħ izda b’inqas forza milli maħsub. Madankollu, il-parteċipanti kollha ġew esposti għal xita qawwija u ta’ spiss. Bil-maġġoranza tar-riħ ġej min-naħa tat-tramuntana-lvant, kien vjaġġ twil kontra r-riħ lejn Messina.
Il-jottijiet huma mifruxa minn Acireale, fin-naħa tal-lvant ta’ Sqallija qrib l-Etna, sa punt fit-tramuntana ta’ Cefalù, tul il-linja diretta bejn Strombolicchio u Favignana. Black Jack 100 qed tmexxi b’distakk ta’ madwar 30 mil nawtiku fuq Balthasar, bil-multihull Allegra madwar 30 mil oħra lura.
Fit-tellieqa għall-rebħa overall taħt il-korrezzjoni tal-ħin IRC, sa’ issa erba’ jottijiet għaddew minn ħdejn il-vulkan Stromboli. F’dan l-istadju, Balthasar tinsab fl-ewwel post, b’Black Jack kważi siegħa warajha u Daguet 5 sagħtejn warajhom.
Wara t-tluq relattivament kwiet ta’ lbieraħ mill-Port il-Kbir, il-117 jott telgħu lejn Sqallija b’riħ prinċipalment tal-lvant.
It-triq dehret pjuttost sempliċi biex jgħaddu minn Capo Passero mingħajr diffikultà. Ħafna jottijiet baqgħu qrib ix-xatt Sqalli fit-triq lejn it-tramuntana, ħlief għal jott Ċiniż Kranendonk, li għamlet manuvra kuraġġuża barra l-kosta. Wara li reġgħet ingħaqdet mal-flotta ħdejn Augusta, hi reġgħet kompliet tagħmel progress tajjeb fejn għaddiet mill-iStrett ta’ Messina mingħajr problemi u daħlet fil-Baħar Tirren fid-09:00 ta’ dalgħodu, segwita ftit wara Django Deer mill-Italja — prestazzjoni impressjonanti minn ekwipaġġ li ħafna minnu qed itellqu offshore għall-ewwel darba.
Black Jack, kienet qiegħda ssegwi lil Allegra sal-ponta tan-nofsinhar ta’ Sqallija. Fil-lejl, bejn Avola u Capo Murro di Porco, iż-żewġ jottijiet kienu viċin sakemm il-maxi monohull Black Jack ħadet il-vantaġġ.
Kien hemm diversi prestazzjonijiet li jispikkaw s’issa. Balthasar, fil-klassi IRC 1, qed tagħmel progress eċċellenti u għandha kontroll tajjeb fuq il-klassi tagħha.
Il-jott Franċiż Daguet 5, li qed tikkompeti fil-IRC 2, kienet it-tielet monohull li għadda minn Messina u Stromboli, ferm qabel diversi rivali aktar qawwija tal-IRC 1.
Il-jott Malti Elusive 2 jinsab ftit lura iżda qed tagħmel progress tajjeb, u kienet fil-quċċata taħt IRC meta għaddiet minn Capo Passero u Messina.
Il-jott Salpare minn New Zealand ukoll kellu prestazzjoni inizjali tajba ħafna, u kienet biss 38 sekonda wara l-entrata Bulgara Aboat Time taħt IRC.
Matul il-lejl, il-kundizzjonijiet fit-tramuntana ta’ Sqallija mistennija jkunu diffiċli ħafna. Ir-riħ jidher ħafif u ser jinbidel ta’ spiss, bil-mudelli tat-temp kollha jaqblu fuq ħaġa waħda biss — inċertezza.
It-tellieqa offshore bħall din ħafna drabi tintrebaħ jew tintilef matul is-sigħat tad-dlam. Il-ħila li tibqa’ ffukat, u tirreaġixxi b’mod preċiż u diliġenti għal bidliet fid-direzzjoni jew fil-qawwa tar-riħ, tista’ tagħmel differenza kbira fir-riżultat finali.
//= $special ?>