Basketball Sport

Luxol Sherries Estates jerbħu u jaslu sas-semi-finali u rebħa kbira għal Hibs fil-John Tabone Shield

(Ritratt: Elton Sant)

Colin Schembri

Valletta Dream……..60

Hibernians………….123

(14-29)(10-23)(20-44)(16-27)

Hibernians bagħtu messaġġ qawwi fil-partita tagħhom tal-John Tabone National Shield meta għelbu lil Valletta Dream 123-60 f’partita li kienet kontrollata mill-ewwel minuti. Il-Pawlisti żviluppaw logħob aggressiv fuq iż-żewġt naħat tal-court, b’pressjoni effettiva li ġabet 25 punt minn turnovers u 52 punt minn fast breaks. Hibs kienu dominanti fiż-żona (60 punt) u fir-rebounds (57 kontra 37), filwaqt li Valletta sabu diffikultà fis-shooting (33%) u ma setgħux jimponu r-ritmu tagħhom. It-tim ta’ Christian Narcisio ħalla impressjoni ta’ organizzazzjoni u intensità tul il-partita kollha. Valletta kienu mingħajr Ferdinand Lisondra u Kieron Caruana però kellhom lil Stefan Vincic bl-ewwel dehra tiegħu tal-istaġun. Għal Hibs, il-coach Christian Narciso kellu l-formazzjoni tipika. Hibs ħasdu lill-avversarji b’run ta’ 11-0 b’dunk ta’ Neil Cassar u trippla ta’ Ayo Ajiyobe fost l-oħrajn. Valletta fetħu l-punteġġ tagħhom permezz ta’ Francesco Mifsud Bonnici però Hibs malajr għamlu run oħra ta’ 9-2 bi trippla oħra minn Ajiyobe. Valletta wieġbu b’erba’ punti konsekuttivi minn Mifsud Bonnici u Eugene Campbell qabel ma Hibs għamlu t-tielet trippla tagħhom minn Deonte Jackson u baqgħu sejrin biex temmew l-ewwel sessjoni 29-14 minn fuq. Kienu Valletta li għamlu l-ewwel basket tat-tieni sessjoni però kienet okkażjoni iżolata hekk kif Hibs, minkejja li Narciso bidel il-ħames players, ġew lura bi break ta’ 14-0 bi trippli minn Elijah Simmons u Matthew Gouder. Għal xi ħin Valletta żammew il-pass mal-avversarji però Hibs temmew il-perjodu b’ħames punti mingħajr risposta għal skor ta’ 52-24.

Wara l-intervall, Hibs komplew b’aktar trippli ta’ Jackson u Demcesen. Ir-risposta ta’ Valletta ġiet minn Vasovic però Hibs kienu fil-kontroll assolut. Huma komplew bi break ieħor ta’ 19-2 li rahom itemmu l-perjodu  96-44 minn fuq. It-trippli ta’ Hibs komplew anke fil-bidu tar-raba’ sessjoni permezz ta’ Cassar hekk kif basket ta’ Ajiyobe għaqqdilhom il-mitt punt. Valletta wieġbu primarjament minn Campbell u Vasovic filwaqt li Hibs kellhom aktar trippli minn Matthew Attard u Luke Farrugia hekk kif rebħu l-partita 123-60.

Valletta Dream: N. Grech, F. Mifsud Bonnici 8, N. Vasovic 10, E. Campbell 35, S. Vincic 2, C. Bronson 5, M. Rieger.

Hibernians: N. Cassar 13, E. Simmons 16, A. Ajiyobe 17, L. Attard 4, L. Farrugia 6, P. Stelmach 4,  M. Gouder 12, D. Jackson 19, M. Attard 12, N. Buttigieg, I. Demcesen 17, S. Simic 3.

Referees: Nestor Rincon, Fiorentina Ciurariu, Andre Attard.

Luxol Sherries Estates……78

The Plaza Depiro…………..56

(19-12)(14-10)(21-18)(24-16)

Luxol Sherries Estates għelbu lil The Plaza Depiro 78-56 fl-aħħar partita mill-fażi tal-gruppi tal-John Tabone Shield, f’partita li kienu fuq quddiem kważi dejjem. Luxol kienu aħjar fir-rebounds (56 kontra 37) u aktar preċiżi taħt il-board, fejn skorjaw 59% tat-tentattivi tagħhom. It-tim ta’ Duncan Fenech wera logħob ta’ tim u difiża soda li żamm lil Depiro fuq persentaġġ ta’ 30%. Run ta’ 10-0 fit-tieni sessjoni tat spinta lil Luxol biex jibnu vantaġġ doppju u jidħlu aktar komdi fit-tielet perjodu. Fl-aħħar sessjoni żammew il-pass u temmew il-logħba b’rebħa komda u mistħoqqa.Luxol kienu mingħajr Vukassin Jandric u Stefan Cappello però rkupraw lil Nikola Djakovic filwaqt li għal Depiro rritorna Luca Stefanovic però kien nieqes Alessio Trapani li ntroduċew ukoll liż-żagħżugħ Matthew Sammut. Kienet ukoll l-ewwel logħba ta’ Dominic Tomasi u Miguel Brincat kontra l-ex team tagħhom. Depiro għal darbtejn kienu minn fuq fil-bidu tal-partita wara trippla minn Cameron Cornelius u basket ta’ Stefanovic. Mal-ħin, Luxol bdew jiddettaw il-logħob bi break ta’ 9-0 fosthom trippla ta’ Nathan Xuereb. Depiro rkupraw xi ftit b’erba’ free throws qabel ma Luxol irrispondew permezz ta’ Adam Azzopardi u Burke Smith biex għalqu s-sessjoni fuq quddiem 19-12. Fil-bidu tat-tieni perjodu kien hemm punti fuq iż-żewġ naħat biex Luxol baqgħu seba’ minn fuq 23-16. Hawn il-players ta’ Duncan Fenech għamlu run ta’ 10-0 bi trippli ta’ Xuereb u Jayden Johnson flimkien ma’ Dominic Tomasi u Smith. L-aħħar punti tat-taqsima ġew minn Depiro permezz ta’ Stefanovic u Milovan Grubacic biex Luxol daħlu jistrieħu 11 minn fuq 33-22. 

Fit-tielet sessjoni, Depiro tħabtu biex inaqqsu d-distakk u waslu sa’ seba’ punti wara run qasira ta’ 7-2. Hawn però Luxol wieġbu bi trippla ta’ Miguel Brincat u l-baskets ta’ Tomasi biex fis-seba’ minuta fetħu vantaġġ ta’ 13-il punt 44-31 b’Norbert Borg jgħajjat time-out għal Depiro. Turner kiseb xi punti għal Depiro però Xuereb bil-penetrazzjonijiet tiegħu żamm lil Luxol b’vantaġġ komdu 54-40 fi tmiem it-taqsima. Stefanovic fetaħ l-aħħar taqsima bi trippla għal Depiro qabel ma Luxol kellhom risposta oħra bi break ta’ 10-0 bi trippli ta’ Xuereb u Brincat. Għal darb’oħra Stefanovic irrisponda għal Depiro li però waslu biss sa 13-il punt taħt l-avversarji. Luxol għalqu l-partita bi break finali ta’ 10-1 bi trippli ta’ Jackson u Tomasi biex ħarġu rebbieħa 78-56.

Luxol Sherries Estates: A. Azzopardi 4, I. Azzopardi, C. James 3, N. Xuereb 19, J. Johnson 15, M. Brincat 8, D. Tomasi 11, B. Smith 18, N. Djakovic.

The Plaza Depiro: S. Galea 6, J. Micallef, N. Zivkovic, L. Stefanovic 13, JP Schembri, M. Grubacic 6, J. Turner 13, S. Kenely, M. Sammut, C. Cornelius 12, N. Bozovic 6.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Miguel De Flavia, Fiorentina Ciurariu