Aktar mijiet tal-eluf ta’ Amerikani qed jingħaqdu fi protesti popolari kontra dak li qed ifissru bħala abbuż ta’ poter Presidenzjali…Dan meta bħalissa, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qed jibgħat it-truppi tal-Gwardja Nazzjonali lejn numru ta’ bliet minkejja l-oġġezzjonijiet tal-Gvernaturi….Uffiċjali għoljin li qed jakkużaw lil Trump dwar manuvri illegali biex joħnoq l-Oppożizzjoni bil-mezzi awtoritarji u bil-ħsieb li jistabbilixxi dittatorjat.
Minkejja li għadu ma għalaqx sena fil-White House, Trump qed juża l-poteri fuq livell qatt qabel eżerċitat minn kwalunkwe Mexxej ieħor fl-istorja moderna tal-Istati Uniti.
Dan meta Trump, sallum, insista bid-direttivi eżekuttivi lejn l-iffriżar tal-finanzjament approvat mill-Kungress u biex iżarma xi elementi tal-Gvern federali… Intant, il-President anki introduċa sensiela ta’ tariffi għal pajjiżi oħrajn li qegħdin iħallu l-effetti negattivi anki għall-konsumatur Amerikan.
Il-President qed jgħid li dawn l-azzjonijiet huma neċessarji biex l-Istati Uniti tirpilja minn allegata kriżi…Madankollu, il-ħafna kritiċi ta’ Trump qed iwissu li diversi direttivi presidenzjali huma theddida għad-demokrazija Amerikana — minbarra li huma wkoll anti-kostituzzjonali.
Fl-aħħar sigħat, fil-belt ta’ New York, kienet qed issir waħda mill-akbar dimostrazzjonijiet ta’ protesta għal snin u li kienet anki l-ewwel fost aktar minn 2,500 rally ta’ protesta fuq stil ‘coast to coast’ madwar l-Istati Uniti.
Għexieren ta’ eluf, f’Times Square, ħadu sehem fid-dimostrazzjoni organizzata mill-koalizzjoni No Kings; entità magħmulha mill-gruppi ta’ orjentament xellugi u li l-intensità tagħhom qed tidher li ħasdet lill-ogħla uffiċjali tal-Gvern f’Washington.
Donald Trump u l-alleati tiegħu qed jakkużaw lil dawn id-dimostranti bħala ‘persuni li jobgħodu lill-Istati Uniti’ minbarra li qed jixluhom bħala alleati tal-moviment estremist tax-xellug, magħruf bħala Antifa.
Dan ukoll meta, fl-aħħar sigħat, il-Gvernaturi Repubblikani f’diversi Stati Amerikani poġġew lit-truppi tal-Gwardja Nazzjonali fuq ‘standby’.
Waqt il-protesti, intant, spikkaw it-tabelluni b’messaġġi bħal ‘Demokrazija u mhux Monarkija’ u ‘Reżistenza kontra l-Faxxisti’.
Dan ukoll waqt li numru ta’ ħelikopters u drones kienu qed jittajjru fuq New York u zoni oħrajn fejn kienu qed isiru d-dimostrazzjonijiet u bil-pulizija jsegwu l-iżviluppi b’attenzjoni kbira.
Madankollu, id-daqs tal-folol fi New York kienu punt ta’ diżgwid bejn l-organizzaturi tal-akbar dimostrazzjoni kbira f’din il-belt u l-pulizija…Dan waqt li tal-ewwel qalu li d-dimostranti qabżu sew il-100,000 waqt li l-Pulizja qalu li fl-eqqel tal-protesta kien hemm biss 20,000 qed jimmarċjaw minn 7th Avenue, fil-qalba ta’ New York.
Sadanittant, l-avvenimenti ma ġeneraw l-ebda vjolenza, bid-dimostrazzjonijiet madwar l-Istati Uniti jattiraw ‘il fuq minn seba’ miljuni fit-toroq. Mifhum ukoll li ma saru l-ebda arresti – bil-protesti kbar isiru wkoll f’Washington, Chicago, Miami u Los Angeles fejn in-nies esprimew rabja dwar sitwazzjoni li, fi kliemhom stess, qed tikkonferma li ‘l-entitajiet governattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji fl-Istati Uniti huma kollha kontra ċ-ċittadin Amerikan’….Messaġġ li spikka wkoll fl-Ewropa, fejn gruppi kbar ta’ dimostranti ħarġu anki fl-ibliet ta’ Londra, Berlin, Madrid u Ruma biex juru solidarjetà maċ-ċittadini tal-Istati Uniti.
//= $special ?>