Il-Ħadd filgħodu sar il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, bit-tema “Dan hu l-mument.” Matul dan il-kunsill tħabbru uffiċjalment it-18-il persuna li ġew eletti biex jirrappreżentaw lill-Partit Nazzjonalista fl-eżekuttiv. Din is-sessjoni ġabet fi tmiemha ġimgħatejn ta’ attività, tiġdid u proċess ta’ riġenerazzjoni fil-Partit Nazzjonalista.

Matul l-għeluq ta’ dan il-kunsill, numru ta’ kelliema għamlu l-interventi tagħhom.
Fid-diskors tiegħu, il-Whip tal-grupp parlamentari, Robert Cutajar tenna li l-Partit Nazzjonalista jirrispetta il-Parlament, għall-kuntrarju ta’ kif iġib ruħu u jaġixxi l-Gvern ta’ Robert Abela fil-Parlament. Stqarr kif il-Partit Nazzjonalista ilu tlett snin jitlob biex il-Gvern jaġġorna r-regolamenti tal-Parlament. Robert Cutajar, tenna li hemm eluf ta’ domandi mhux imwieġba jew li ma jkunux jirriflettu dak li d-deputati ma’ jkunux qed jistennew. Cutajar temm jgħid li “l-effett tal-ħatra tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, fixkel mhux ftit lill-Gvern iżda għandna kap li f’inqas minn xahar li ħa l-kariga tiegħu, deher jiltaqa’ mal-ogħla nies fi Brussell. “

Intant, it-Teżorier tal-Partit Nazzjonalista, Veronica Perici Calascione, indirizzat il-Kunsill Ġenerali sostniet li dan hu l-mument li l-Partit Nazzjonalista jħares ‘il quddiem b’għaqal, b’kuraġġ u b’determinazzjoni u li jkompli jaħdem fuq dak kollu li kiseb. Qalet li dan hu l-Mument li l-Partit Nazzjonalista ikun aktar minn qatt qabel oppożizzjoni dejjem aktar kredibbli billi jaħdem biex iwaqqaf lill-Gvern meta jmur żbaljat u biex iħares lejn l-interess veru tal-Poplu Malti u Għawdxi.

Barra minn hekk, il-President tal-Kulleġġ tal-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista, Liam Sciberras, sosta li l-Partit Nazzjonalista bi prova qed juri li huwa propożittiv. Stqarr li huwa sabiħ li aktar żgħażagħ qed jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista. Tant li tenna li dan jimla l-Partit Nazzjonalista b’kuraġġ li jrid jaħdem għall-futur, għall-pajjiż aħjar u għall-partit aħjar. Liam Sciberras, saħaq li l-Partit Nazzjonalista qed ikun kredibbli ma’ kull resident. Sciberra temm jgħid li “dak kollu li hemm bżonn li hemm bżonn biex il-Partit Nazzjonalista jirbaħ se nagħmluh għax pajjiżna għandu bżonn Gvern immexixxi mill-Partit Nazzjonalista.”

Intant, is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista, Beppe Galea, sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ma’ kull ġurnata li tgħaddi qed jiddistingwi ruħu bħala viżjonarju. u politiku, li daħħal stil ġdid. Stqarr kif il-Kap, jaf eżattament fejn irid iwassal lil Partit Nazzjonalista. Stqarr li l-politika li welldet Malta fl-Ewropa għandha tkompli tagħti l-opportunitajiet, f’setturi u investimenti li saru taħt Gvernijiet Nazzjonalisti. Temm jgħid li dan hu l-mument li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jsir umbrella li taħtu jidħlu eluf ta’ Maltin u Għawdxin.

Id-Deputat Adrian Delia, sostna li dan huwa l-mument li se jwassal lill-Partit Nazzjonalista jbiddel il-wiċċ ta’ pajjiżna. Tenna li dak li ngħad fil-kapmpanji ta’ matul is-sajf irid jitwettaq. Hawnhekk appella lill-Kunsill Ġenerali sabiex jagħmel premura li l-accounts tal-partit jiġu ppubblikati – sabiex il-pajjiz jara li l-Partit Nazzjonalista jrid it-trasparenza u governanza tajba. B’rabta mal-użu tat-teknoloġija, talab lill-kunsill ġenerali sabiex isaħħa it-talba tal-aqwa għodod. Stqarr li hemm il-ħtieġa li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ jirbaħ l-elezzjoni li jmiss għax il-pajjiż verament għandu bżonn bidla.

Min-naħa tiegħu, ic-Chairman ta-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista Graham Bencini, tenna li dan hu l-mument li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jħares ‘il quddiem b’kuraġġ, b’tama u b’fiduċja li flimkien jista’ jinbena futur isbaħ għal pajjiżna. Stqarr kif taħt Alex Borg qed jinfetaħ kapitlu ġdid – ta’ enerġija ġdida, ta’ viżjoni moderna, ta’ fiduċja f’ġenerazzjoni li taf tisma, tifhem u taħdem. Qal kif f’perjodu qasir ħafna l-Kap irnexxielu joħloq sens qawwi ta’ entużjażmu u tama ġdida fil-Partit u fost in-nies. Sostna kif il-Poplu reġa qed juri fiduċja fil-Partit Nazzjonalista u għalhekk dan huwa mument li fih il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jqum b’saħħtu b’ġieħ u passjoni.

Ic-Chairperson tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, Joseph Grech, sostna li l-Eżekuttiv huwa l-qalb tħabbat fejn issir il-politika tal-Partit Nazzjonalista. Xogħol li fix-xhur li ġejjin irid jiġi ntensifikat, hekk kif toqrob elezzjoni ġenerali oħra. Stqarr li l-kumitat eżekuttiv jeħtieġ jaħdem b’sinerġija ma’ organi oħra tal-Partit. Qal kif f’dawn l-elezzjonijiet interni dehret parteċipazzjoni sabiħa u demokrazija ħajja, hekk kif mijiet ta’ nies marru sabiex jivvotaw f’dawn l-elezzjonijiet – xhieda li l-Partit Nazzjonalista għadu ħaj u xhieda wkoll tal-entużjażmu li ġab il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg.



