Lokali Qorti

BMW u Mercedes ikkonfiskati hekk kif raġel jitressaq fuq pussess aggravat ta’ droga u ksur ta’ ‘bail’

Quddiem il-Qorti tal-Maġistrati nstemgħu l-akkużi kontra Josef Grech, raġel bla xogħol ta’ 35 sena minn Bormla, li allegatament kien involut fit-traffikar ta’ droga. Grech ġie arrestat minħabba li nstab barra f’każ ta’ ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, u ġie akkużat b’pussess aggravat ta’ kokaina u kannabis, ħasil ta’ flus, u ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest mogħtija fid-4 ta’ Diċembru 2024. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha.

L-Ispettur Mark Anthony Mercieca spjega kif Grech ġie arrestat waqt ‘road block’ minħabba suspett ta’ ksur tal-ħelsien mill-arrest u għax kien fil-pussess ta’ droga. Matul is-sigħat ta’ tfittxija fuq il-BMW tiegħu, il-Pulizija sabu ammont kbir ta’ pakketti ta’ kokaina u borża kannabis, li kienu jinkludu pakketti kbar u żgħar, u l-vettura ġiet ikkonfiskata.

Aktar tard, l-uffiċjali fittxew diversi propjetajiet f’Ħal Tarxien u Bormla, fejn sabu flus kontanti u apparat relatat mal-ippakjar tad-droga. Mercedes instabet ukoll f’garaxx f’Marsaskala u ġiet ikkonfiskata. Id-difiża, magħmula mill-avukat Franco Debono, sostniet li l-imputat kien sejjer lejn ċentru tas-saħħa minħabba infezzjoni.

L-Ispettur Mercieca qal li l-imputat qatt ma indikalu dan, imma ttieħed għal ċentru tas-saħħa fejn ġie ċċertifikat li kien f’kundizzjoni tajba. Il-Qorti aċċettat it-talba tal-prosekuzzjoni għal ordni ta’ ffriżar tal-assi. Talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet irrifjutata minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom fil-bidu tagħhom u jista’ jkun li persuni oħra jiġu arrestati f’relazzjoni mal-każ.

Mercieca enfasizza li l-imputat instab fil-possess ta’ droga u barra mill-ħin ta’ suppost kien id-dar fuq ordni tal-Qorti. Id-difiża argumentat li l-imputat seta’ jinżamm taħt sorveljanza waqt il-ħelsien mill-arrest. Meta kien se tixhed is-sieħba tal-imputat l-Ispettur Mercieca qal li jkun aħjar li tingħata t-twissija, hekk kif proprjetà tagħha kienet fost dawk li saret tfittxija fuqhom.

Omm l-imputat qalet lill-Qorti meta mistoqsija jekk hux lest li jobdiha u joqgħod għall-kundizzjonijiet f’każ li jingħata l-ħelsien mill-arrest, hija qalet: “miskin ibni għandu problema mad-droga, u jkun aħjar li jintbagħat għal riabilitazzjoni”.

Il-Qorti rrifjutat it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat lill-prosekuzzjoni li ttella’ x-xhieda ċivili kemm jista’ jkun malajr.

Il-każ ġie presedut mill-Maġistrat Kevan Azzopardi. L-Avukat mill-Ufiċċju tal-Avukat Ġenerali Nadia Ciappara flimkien mal-Ispetturi Mark Anthony Mercieca u Chantelle Mifsud mexxew il-prosekuzzjoni, filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri assistew lill-imputat.