Bi preparazzjoni għall-maratona ġbir ta’ fondi li se ssir fl-1 ta’ Novembru, Caritas Malta nidiet verżjoni ġdida tal-kanzunetta ‘Jimpurtani’ li oriġinarjament ġiet imxandra s-sena li għaddiet.
Il-lirika ta’ din il-kanzunetta nkitbet minn Peppi Azzopardi, filwaqt li l-mużika issawret minn Philip Vella.
F’konferenza li saret it-Tnejn waranofsinhar fil-binja tal-Caritas Malta, id-direttur Anthony Gatt spjega kif din il-kanzunetta tirrifletti l-ħidma varja tal-Caritas, li tinkludi għajnuna ta’ kull tip lil kwalunkwe persuna fil-bżonn ta’ kull eta’.
Philip Vella semma’ kif din il-kanzunetta oriġinarjament ħarġet 30 sena ilu b’lirika ta’ ironija, iżda s-sena l-oħra ingħatat ħajja ġdida b’lirika li twassal messaġġ. Hu sostna li b’din il-kanzunetta huma xtaqu jidħlu fil-kuxjenza tan-nies permezz tal-mużika.
Il-kanzunetta nvolviet artisti rinomati Maltin, u matul din il-konferenza huma niedew ukoll il-filmat mużikali uffiċjali tal-kanzunetta.
Il-maratona ġbir ta’ fondi tal-Caritas, se ssir fl-1 ta’ Novembru bejn il-11am u l-11pm, u se tixxandar live fuq l-istazzjonijiet lokali, fosthom Net Television.
//= $special ?>