Ewropa Lokali

Għat-tielet darba Robert Abela jħammrilna wiċċna fl-Ewropa – PN

It-tielet kandidat ta’ Abela u Jonathan Attard għal Imħallef fil-Qorti Ġenerali tal-UE wkoll ma jiġix aċċettat

Fuq tlieta toqgħod il-borma.

U għat-tielet darba, Robert Abela reġa’ waqqa’ għaċ-ċajt lil pajjiżna fl-Ewropa hekk kif issa anke t-tielet kandidat li ressaq għall-kariga ta’ Mħallef fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ma ġiex aċċettat.

Wara li lejn tmiem is-sena l-oħra n-nomina ta’ Edward Zammit Lewis għal Imħallef fil-Qorti Ġenerali tal-UE ġiet rifjutata, u wara li anke n-nomina ta’ Veronique Dalli – li kienet it-tieni għażla ta’ Robert Abela – ukoll ġiet irrifjutata, issa anke t-tielet nomina għal dan ir-rwol ġiet rifjutata.

Dan ifisser li Malta issa ilha kważi sena mingħajr Imħallef f’din il-Qorti tal-UE wara li l-Imħallef Ramona Frendo spiċċat minn din il-kariga.

Apparti li umilja personalment lill-persuni kollha li nnomina għal din il-kariga importanti wara li dawn ma ġewx magħżula, l-akbar umiljazzjoni tal-Gvern Malti hija għal pajjiżna u r-reputazzjoni tiegħu fuq livell Ewropew.

Dan meta l-Labour, ironikament, qed jakkuża lill-Oppożizzjoni li qed tagħmel il-ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta.

Għal darba oħra l-Gvern ta’ Robert Abela żamm moħbija l-aħbar li t-tielet kandidat tiegħu għall-Qorti Ġenerali tal-UE ma ġiex approvat.

Kif stqarr il-kandidat innifsu, il-bord tal-għażla rrikonoxxa l-esperjenza tiegħu fil-Liġi Ewropea u l-esperjenza tiegħu fl-istituzzjonijiet Ewropej, imma kkonkluda li ma għandux il-kapaċità teknika rikjesta minn dan ir-rwol.

Fid-dawl ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Gvern Laburista jirriforma l-proċess ta’ kif issir l-għażla biex ikun żgurat li l-għażla ta’ persuni nominati minn pajjiżna biex iservu f’karigi għolja fl-Unjoni Ewropea jkollhom il-kwalitajiet u l-kredenzjali kollha meħtieġa għall-kariga.

Ir-responsabbiltà ta’ dan it-tielet falliment fi spazju ta’ ftit xhur taqa’ fuq spallejn Robert Abela u l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard. Kemm Robert Abela kif ukoll Jonathan Attard għadhom s’issa ma fehmux is-serjetà tal-proċess ta’ skrutinju li jsir biex jinħatru l-Imħallfin fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Joe Giglio.