Lokali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg f’laqgħat mal-MAM, l-MUBE u l-Kunsill Nutarili bi tħejjija għall-budget

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg illum kompla jiltaqa’ ma’ aktar imsieħba soċjali u professjonisti f’laqgħat b’rabta mal-Budget 2026. Hu kellu laqgħat mal-Assoċjazzjoni tat-Tobba (MAM), mal-Union tal-Impjegati tal-Banek (MUBE) u mal-Kunsill Nutarili.

It-tobba tagħna jixirqilhom kundizzjonijiet tax-xogħol aħjarWaqt il-laqgħa mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jerġa’ jpoġġi l-qasam tas-saħħa fuq nett fuq l-agenda nazzjonali.

Fil-laqgħa mal-MAM Alex Borg qal li dan il-qasam huwa prijorità għall-PN anke mill-Oppożizzjoni, kif deher ċar fil-ġlieda li saret biex niksbu lura t-tliet sptarijiet. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li se jibqa’ jaħdem biex jara li l-investiment li kellu jsir snin ilu f’dan il-qasam isir kemm jista’ jkun malajr.

Huwa insista fuq kundizzjonijet aħjar għat-tobba tagħna li huma mgħobbijin b’ferm aktar xogħol milli suppost iġorru, kif ukoll dwar investiment f’aktar kura preventiva, bil-Partit Nazzjonalista issa għandu kelliem iffukat fuq dan il-qasam.

Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ joħroġ b’miżuri biex isolvi l-problemi li hemm f’dan il-qasam. Bħala bidu, ħareġ bil-proposta li studenti li jagħżlu li jidħlu għal karriera f’oqsma bħan-nursing ikollhom paga minima minflok stipendju.

Il-President tal-MAM Patrick Sammut u s-Segretarju Ġenerali Aaron Schembri qalu li jeħtieġ titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-tobba għaliex fil-preżent ħafna professjonijisti qed jaħdmu sigħat twal ħafna, bir-riskju ta’ burnout jew ta’ impatt negattiv fuq is-saħħa mentali.

Tkellmu wkoll dwar in-nuqqas ta’ family-friendly measures, meta l-maġġoranza tat-tobba huma nisa u qalu wkoll li l-fatt li t-tobba ma jipprogressawx fil-karrieri b’mod awtomatiku qed ixekkilhom milli jikbru fil-professjoni.

Tkellmu wkoll dwar il-bżonn ta’ investiment fil-kura preventiva u dwar il-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ is-sistema tal-kura primarja fil-kliniċi u l-bereġ biex jitħaffef il-piż minn fuq l-isptar.

Għal din il-laqgħa kienu preżenti wkoll ix-Shadow Minister għas-Saħħa Stephen Spiteri u x-Shadow Minister għax-Xogħol Ivan Castillo.

Naħdmu biex ikollna sistemi aktar effiċjenti fil-qasam nutarili
F’laqgħa mal-Kunsill Nutarili ta’ Malta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li bħala pajjiż għandna bżonn inkunu aktar aġġornati b’sistemi teknoloġiċi moderni u b’mod partikolari rrefera għall-bżonn li r-reġistru tal-artijiet ikun diġitalizzat.

Waqt il-laqgħa mal-membri tal-Kunsill Alex Borg qal li dan hu kruċjali biex ikun hemm aktar effiċjenza u ħeffa ta’ xogħol speċjalment fi trasferimenti ta’ artijiet jew propjetajiet.

Tul din il-laqgħa, il-President tal-Kunsill Nutarili Roland J Wadge, is-Segretarja Maronia Fenech, it-Teżorier Daniel Vella u l-membru tal-Kunsill Robert J Fenech ressqu dak li hu t-tħassib tagħhom dwar dan il-qasam u minbarra l-bżonn ta’ din id-diġitalizzazzjoni fid-dipartimenti semmew ukoll il-bżonn li jkun hemm aktar kontinwita bejn id-dipartimenti, dwar il-possibiltà ta’ reġistrazzjonijiet online u dwar il-problemi marbuta maċ-ċnus.

Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem u jwassal dawn l-ilmenti biex  isir it-titjib meħtieġ sabiex titjieb ukoll l-effiċjenza f’dawn il-proċessi. Għal din il-laqgħa attenda ukoll ix-Shadow Minister għall-Finanzi Adrian Delia.

L-istabbiltà fil-qasam bankarju kruċjali għall-ħaddiema u għall-pajjiżL-importanza li nħarsu l-qasam bankarju ġiet diskussa waqt laqgħa bejn il-Union tal-Impjegati tal-Banek, l-MUBE, u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan hu qasam li fuqu jserrħu ħafna pilastri u għaldaqstant hu kruċjali li jibqa’ jissaħħaħ.

Hu qal li huwa importanti li isem pajjiżna fis-servizzi finanzjarji fosthom is-servizzi bankarji jibqa’ jżomm l-ogħla standards għax b’hekk igawdu il-klijenti, l-impjegati jkollhom serħan il-moħħ u dan il-qasam jibqa’ jissoda u jikber f’pajjiżna.

Il-membri tal-MUBE tkellmu dwar it-tibdil li għaddej bħalissa fil-qasam bankarju f’pajjiżna. Huma qalu li hu kruċjali li r-reputazzjoni ta’ Malta fil-qasam bankarju jibqa’ jiġi mħares b’kull mezz.

Kemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll ir-rappreżentanti tal-MUBE qablu dwar il-ħtieġa ta’ koperazzjoni u ħidma flimkien għall-ġid ta’ dan il-qasam.

Preżenti għal din il-laqgħa flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm ukoll ix-Shadow Minister għall-Finanzi Adrian Delia, ix-Shadow Minister għall-Ekonomija Jerome Caruana Cilia u x-Shadow Minister għax-Xogħol Ivan Castillo.

Id-delegazzjoni tal-MUBE mmexxija mill-President William Portelli kienet tinkludi lis-Segretarju Ġenerali Mark Zerafa, id-Deputat Segretarju Ġenerali Amanda Buhagiar, il-konsulent legali Andrew Grima u l-membri Josef Figallo u Leon Caruana.