Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg kiteb ittra miftuħa lill-Prim Ministru Robert Abela fejn esprima t-tħassib tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-Gvern li jippjana d-dibattitu fuq Mozzjoni 421 fil-Parlament nhar l-Erbgħa li ġej, lejliet is-Summit tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fi Brussell.
Alex Borg sostna li dan il-pass jidher li sar bi skop ċar biex iwaqqaf il-parteċipazzjoni tiegħu f’dan is-Summit. Minkejja dan, Alex Borg tenna li se jkun preżenti fid-dibattitu parlamentari, għaliex l-interess ta’ pajjiżna u tal-poplu Malti u Għawdxi għalih jiġi dejjem l-ewwel u qabel kollox.
Fl-ittra tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ċaħad ukoll l-akkużi tal-Gvern li l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem kontra l-interessi ta’ Malta, u fakkar li l-ħsara vera lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna saret mill-fallimenti tal-amministrazzjoni preżenti – fosthom il-fatt li Malta kienet l-ewwel Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li spiċċa fuq il-grey list tal-FATF, kif ukoll għal li għal tliet darbiet fuq xulxin ismijiet nominati mill-Gvern għal karigi fl-istituzzjonijiet Ewropej ġew rifjtutati.
Alex Borg ħeġġeġ lill-Prim Ministru biex, fl-ispirtu ta’ dak li ddiskutew meta żar id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, ipoġġi l-ewwel l-interess nazzjonali qabel kull interess partiġjan, għax hekk biss il-pajjiż jista’ jimxi ’l quddiem.
Fl-ittra, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista esprima t-tama li nhar l-Erbgħa fil-Parlament ikun hemm dibattitu ċivili u matur, li permezz tiegħu jintbagħat sinjal ċar lill-Maltin u lill-Għawdxin li l-interess tagħhom huwa tassew prijorità.
//= $special ?>