Il-Ministru Byron Camilleri ma ċaħadx l-istorja żvelata minn Net News tul il-jum tas-Sibt, ċioè li fl-aħħar jiem inqabdu żewġ residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin pożittivi għall-kokaina.
Sorsi ta’ min jorbot fuqhom mill-istess ħabs żvelaw li f’Diviżjoni 5 allegatament instabu żewġ priġunieri pożittivi għall-kokaina.
Minn informazzjoni li waslet għand Net News, wieħed minn dawn il-priġunieri qed jiskonta sentenza ta’ għomru l-ħabs, filwaqt li l-ieħor instab pożittiv għall-kokaina tliet darbiet fi żmien xahrejn.
Dan l-istazzjon staqsa lill-Ministru responsabbli dwar dak li ġie żvelat, bil-Ministru Camilleri l-ewwel jisħaq li jieħu gost li jiġu rapportati dawn it-tip ta’ aħbarijiet.
Staqsejna lil Byron Camilleri jikkonfermax instabux residenti pożittivi għal kokaina fid-Diviżjoni 5, u filwaqt li qalilna li m’għandux idea f’liem diviżjoni….ma ċaħadx l-allegazzjonijiet.
L-istess sorsi spjegaw li priġunier ieħor instab pożittiv u allegatament kien fost dawk fdati biex jaħdmu ġewwa l-ħabs.
Intant Net News bagħat numru ta’ domandi lit-tmexxija tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jumejn ilu; madanakollu s’issa għadna mingħajr tweġiba.
//= $special ?>