“Kollox jogħla, prezzijiet bl-addoċċ”.
Hekk kitbu diversi persuni fuq il-media soċjali wara kumment li ġie ppubblikat fl-aħħar jiem, u li ġiegħel għadd ta’ familji jesprimu r-rabja tagħhom għall-għoli tal-ħajja esaġerat f’Malta – kawża ta’ Gvern li qed jibbaża biss fuq il-kwantità u mhux fuq kwalità.
Fil-kummenti, intqal li din is-sitwazzjoni qed tkompli tiggrava maż-żmien, u li l-ġenerazzjonijiet futuri huma l-aktar li se jħossu l-effett ta’ dan.
Oħrajn qalu li minkejja li l-preżżijiet qed jogħlew b’rata mgħaġġla, il-pagi mhumiex jogħlew. U b’hekk qed issir iżjed diffiċli biex wieħed ilaħħaq mal-ispejjeż tal-ħajja.
Dan kollu kien konfermat ukoll miċ-ċifri li ġew ippubblikati mill-NSO għax-xahar ta’ Settembru, li wrew li r-rata tal-għoli tal-ħajja f’Malta tinsab fil-livell ta’ 2.4% – rata li hi akbar minn kemm kienet sena ilu.
Ir-rata tal-għoli tal-ħajja f’Malta għadha ogħla mill-medja fil-pajjiżi taz-Zona Ewro – bil-prezzijiet f’pajjiżi bħall-Greċja, Franza u l-Italja jibqgħu f’livelli orħos minn pajjiżna.
Dawn iċ-ċifri wrew li l-akbar kontribuzzjoni għall-inflazzjoni annwali ġiet mill-Indiċi tar-Ristoranti u l-lukandi, l-aktar minħabba prezzijiet ogħla tas-servizzi tar-ristoranti.
It-tieni u t-tielet l-akbar kontribuzzjonijiet għall-għoli tal-ħajja kienu innotati fl-Indiċi tal-Ikel u x-xorb mhux alkoħoliku, u minħabba prezzijiet ogħla tal-laħam u taʼ prodotti tal-ivvjaġġar.
Apparti minn hekk, ħafna anzjani qed iħossu wkoll iż-żieda qawwija fil-prezz tal-mediċini u servizzi essenzjali ta’ kura.
//= $special ?>