Futbol Sport

Imut l-eks plejer ta’ Malta u Valletta, Louis Pace

Louis Pace
Louis Pace

Illejla għadha kemm tħabbret il-mewt tal-eks plejer internazzjonali Malti u ta’ Valletta, Louis Pace fl-etá ta’ 77 sena.

Pace kien wieħed mill-aqwa difensuri Maltin tas-snin 70, fejn kellu l-opportunitá jilgħab għal Malta ħames darbiet. Id-debutt tiegħu mat-tim nazzjonali Malti kien fil-famiuża partita tal-1971 meta Malta kienet lagħbet għall-ewwel darba f’Londra kontra l-Ingilterra. Dak  in-nhar, fit-12 ta’ Mejju, f’partita valida mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej, Malta kienet tilfet 5-0 kontra l-Ingilterra.

Eventwalment, id-difensur ta’ Valletta kien lagħab darbtej oħra kontra l-Ungerija, u darba kontra l-Greċja u l-Awstrija.

Pace kien rebaħ il-Kampjonat ma’ Valletta fl-istaġun 1973/74. Ta’ 18-il sena, Pace kien lagħab l-ewwel partita tiegħu mat-tim tal-kbar ta’ Valletta, f’Jannar tal-1966 kontra Hibernians.

Ma’ Valletta u tul il-karriera tiegħu magħhom, hu lagħab 88 partita u skorja darba.