Il-Qorti Kostituzzjonali ordnat lil Terence Cini, akkużat li kien allegatament involut fit-traffikar tad-droga, biex iħallas €2,000 fi spejjeż wara li ddikjarat l-appell tiegħu bħala “frivolu” u maħsub biss biex idewwem l-proċess kriminali tiegħu bil-ġurija.
Cini kien tressaq il-Qorti f’Ġunju tal-2011, fejn ġie akkużat li kien kkonfoffa biex jittraffika l-pilloli tal-ecstasy u li kellu fil-pussess tiegħu 1,006 pillola ta’ ecstasy. L-Avukat Ġenerali ħareġ l-Att tal-Akkuża kontra tiegħu f’Mejju 2014, sabiex jibda l-proċess tal-ġurija.
Il-kawża oriġinarjament ma rat l-ebda talba preliminari quddiem il-Qorti Kriminali, peress li kemm il-prosekuzzjoni kif ukoll id-difiża kienu qed jiddiskutu ftehim ta’ piena (patteġġament). Iżda f’Lulju tal-2022, wara li Cini bidel l-avukati tiegħu, talab lill-Qorti biex tippermettilu jqajjem oġġezzjoni preliminari. Din it-talba ġiet miċħuda.
Xahar wara, huwa talab is-sospensjoni tal-proċeduri kriminali wara li fetaħ kawża kostituzzjonali, fejn sostna li nkisru d-drittijiet tiegħu għal smigħ xieraq. Huwa sostna wkoll li n-nuqqas ta’ akkreditazzjoni tal-laboratorju li analizza d-droga kien jikkostitwixxi ksur ta’ drittijiet fundamentali.
Din it-talba kienet miċħuda f’Diċembru tas-sena li għaddiet, u Cini ressaq appell fejn insista li ma kellux aċċess għal qorti, peress li l-każ tiegħu ma setax jibbenefika mill-proċeduri quddiem id-‘Drugs Court’.
Il-Qorti Kostituzzjonali, iżda, qablet mar-raġunament tal-Qorti inferjuri li l-leġiżlatur huwa dak li jistabbilixxi meta u kif qorti tista’ taġixxi bħala ‘Drugs Court’. Għalkemm il-ġudikanti għandhom ċertu diskrezzjoni, il-liġi timponi limitu ċar dwar il-kwantità massima ta’ droga li tippermetti l-eliġibbiltà ta’ akkużat għal dan it-tip ta’ proċedura.
Il-Qorti laqgħet l-argumenti tal-Avukat tal-Istat u tal-Avukat Ġenerali li Cini kellu aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali, jiġifieri l-Qorti Kriminali. “Id-dritt għal smigħ xieraq ma jfissirx id-dritt li wieħed jiġi ġġudikat mill-qorti tal-għażla tiegħu,” qalet il-Qorti Kostituzzjonali.
Fir-rigward tal-argument dwar in-nuqqas ta’ akkreditazzjoni tal-laboratorju, il-Qorti qalet li l-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-provi kellha titqajjem fil-Qorti Kriminali, iżda l-applikant ma għamel l-ebda talba preliminari meta kien servut bl-Att tal-Akkuża.
F’Awwissu 2022, il-Qorti Kriminali rrifjutat it-talba tiegħu li jippreżenta oġġezzjoni tardiva minħabba li l-iskadenza kienet diġà għaddiet. Il-Qorti Kostituzzjonali rrimarkat li Cini issa kien qed jipprova jagħmel fil-qorti kostituzzjonali dak li kellu jagħmel fil-proċess kriminali.
“F’dan il-każ, qed jipprova jinvoka ksur ta’ dritt fundamentali biex jikkoreġi dak li ma għamilx fil-proċeduri kriminali,” qalet il-Qorti. Il-Qorti Kostituzzjonali osservat ukoll li kienet qed tara żieda f’każijiet bħal dan, fejn l-applikanti jressqu kawża kostituzzjonali fl-aħħar mument qabel il-ġurija, bit-talba li l-proċeduri kriminali jiġu sospiżi sakemm jissolva l-każ kostituzzjonali. Dan, qalet, qed iwassal għal “dewmien bla bżonn” fis-sistema kriminali.
“Il-fatt biss li tinfetaħ kawża kostituzzjonali ma jiġġustifikax awtomatikament is-sospensjoni tal-proċess bil-ġurija,” wissiet il-Qorti, li żiedet li kull talba bħal din għandha tiġi evalwata b’kawtela kbira u l-approvazzjoni tagħha għandha tkun eċċezzjoni, mhux ir-regola.
Il-Qorti ddikjarat l-appell ta’ Cini bħala wieħed “frivolu u dewwiemi” u ordnatlu jħallas €2,000 fi spejjeż, filwaqt li ordnat ukoll li kopja tas-sentenza tintbagħat lill-Qorti Kriminali sabiex il-proċess tal-ġurija jkompli mingħajr iktar dewmien.
Is-sentenza nħarġet mill-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti flimkien mal-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul. L-avukat José Herrera, deher għal Terence Cini, filwaqt li l-avukat Rachael Aquilina dehret għall-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat u għall-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>