Kultura Lokali

It-Teatru Manoel jippreżenta l-kummiedja ‘SOFIE’ tad-drammaturgu Anthony Portelli

Mill-14 sal-21 ta’ Novembru, it-Teatru Manoel se jippreżenta l-play rebbieħa ta’ Studio Francis Ebejer, ‘SOFIE’, miktuba mid-drammaturgu Anthony Portelli.

Din il-kummiedja ġdida bil-Malti se tippreżenta xenarju komiku hi u tinkorpora kwistjonijiet kulturali relevanti marbutin mat-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali. Taħt id-direzzjoni ta’ Josette Ciappara, f‘SOFIE’ naraw lil Thomas, li ordna drone online – xi ħaġa li martu ma qablitx magħha. Meta waslet l-ordni, minflok drone jsibu tfajla robotika attraenti li malajr titgħallem tadatta għall-ambjent il-ġdid tagħha. Binhom Mark għoġbitu l-affari, is-seftura mħawda waħda u sew, filwaqt li d-Dipartiment tad-Dwana qed isegwi dak li qed jiġri mill-qrib.

Taħt id-direzzjoni ta’ Josette Ciappara, tim b’saħħtu ta’ atturi lokali se jwasslulna l-skript ċajtier-intelliġenti b’ritmu mgħaġġel ta’ Anthony Portelli. Il-membri tal-kast jinkludu lil Simon Curmi, Sarah Vella, Magda van Kuilenburg, Justin Calleja, Christine Francalanza, Mario (Snits) Spiteri u Emmanuel Cassar. Id-disinn tas-sett ta’ ‘SOFIE’ huwa f’idejn Pierre Portelli.

‘SOFIE’ ntgħażlet bħala waħda mir-rebbieħa ta’ Studio Francis Ebejer fl-2025; kollaborazzjoni bejn it-Teatru Manoel, Teatru Malta u Spazju Kreattiv, bis-sostenn tal-Kunsill Malti għall-Arti. Il-kompetizzjoni tappoġġja l-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ tliet drammi ġodda għall-palk, u waħda għar-radju, kollha bil-lingwa Maltija.

‘SOFIE’ se tkun qed tittella’ fit-Teatru Manoel mill-Ġimgħa, 14 ta’ Novembru sal-Ħadd, 16 ta’ Novembru, u mill-Erbgħa, 19 ta’ Novembru sal-Ġimgħa, 21 ta’ Novembru. Għal iktar informazzjoni dwar il-produzzjoni u sabiex wieħed jibbukkja l-biljetti, huwa mħeġġeġ iżur is-sit elettroniku: https://teatrumanoel.mt/event/sofie/ jew iċempel il-Box Office tat-Teatru Manoel fuq in-numru 21246389.