Il-Qorti Kostituzzjonali, preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, kkonfermat li nkiser id-dritt fundamentali ta’ smigħ fi żmien raġonevoli ta’ Sebastian Dalli, iżda fl-istess waqt iddeċidiet li l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali kellha tagħti rimedju effettiv u mhux sempliċement tiddikjara l-ksur.
Dalli kien ilu jiġi mixli bil-parteċipazzjoni fit-traffikar tad-droga sa minn Frar tal-2009, kawża kriminali li baqgħet sejra għal aktar minn 16-il sena u kienet għadha fil-fażi tal-prosekuzzjoni. Mill-provi quddiem il-Prim’Awla ħareġ li l-Pulizija kienu temmew il-provi tagħhom fl-2018, iżda minkejja dan, l-Avukat Ġenerali baqa’ jitlob biex il-kawża tiġi aġġornata għal sentejn oħra sabiex jinstemgħu xhieda oħra, fosthom persuni akkużati f’każijiet relatati li kienu għażlu li jinvokaw id-dritt tas-silenzju.
Dan wassal biex il-kawża baqgħet ma tiċċaqlaqx, u anke wara l-pandemija l-prosekuzzjoni ma wriet l-ebda urġenza biex tgħaddi għall-pass li jmiss. Dalli, permezz tal-avukati tiegħu, fetaħ rikors kostituzzjonali fejn sostna li l-imġiba tal-awtoritajiet kienet kisret il-jedd tiegħu għal smigħ fi żmien raġonevoli, kif garantit mill-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
Il-Prim’Awla, fit-11 ta’ Lulju 2022, kienet laqgħet it-talba u kkonkludiet li l-prosekuzzjoni u l-Avukat Ġenerali kienu responsabbli għad-dewmien eċċessiv, u għalhekk iddikjarat li nġiebet bi ksur tad-dritt ta’ Dalli għal proċess ġust fi żmien raġonevoli.
Madankollu, ma tat l-ebda rimedju konkret u lanqas ma ordnat xi pass prattiku biex jitwaqqaf il-ksur. Dalli appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Kostituzzjonali fejn argumenta li sentenza kostituzzjonali mingħajr rimedju effettiv kienet tħalli l-istess sitwazzjoni tippersisti, u għalhekk ma kinitx tagħti ġustizzja sħiħa.
Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti Kostituzzjonali qalet li għalkemm f’referenza kostituzzjonali l-Prim’Awla għandha ssegwi l-parametri tat-talba magħmula mill-qorti kriminali, dan ma jfissirx li għandha tillimita ruħha għal dikjarazzjoni teoretika.
Qalet li d-dritt għal rimedju effettiv hu parti mill-protezzjoni kostituzzjonali nnifisha u għalhekk meta l-Qorti ssib ksur, għandha wkoll tagħmel dak kollu meħtieġ biex il-ksur jieqaf u ma jkomplix jippersisti. Il-Qorti nnutat ukoll li l-każ ta’ Dalli kien eżempju ċar ta’ dewmien mhux ġustifikat li ma jistax jiġi skużat bil-kumplessità tal-proċeduri jew bin-numru ta’ xhieda, għax il-prosekuzzjoni kellha żmien biżżejjed biex tressaq il-provi tagħha.
Il-fatt li baqgħet tistenna xhieda li kienu qed jagħmlu użu mid-dritt tas-silenzju kien, skont il-Qorti, deċiżjoni li ma kellha ebda raġuni loġika u li wasslet għal telf ta’ snin bla bżonn. Għaldaqstant, il-Qorti Kostituzzjonali kkonfermat id-dikjarazzjoni li d-dritt ta’ Dalli nkiser iżda marret lil hinn u ordnat li l-prosekuzzjoni tagħlaq il-provi tagħha fi żmien xahrejn mid-data tas-sentenza, sabiex l-Avukat Ġenerali jkun jista’ jkompli bil-proċedura tal-“rinviju għall-ġudizzju” fil-kawża kriminali.
Il-Qorti qalet li dan kien l-uniku rimedju prattiku biex jiġi assigurat li ma jkomplix jinkiser id-dritt fundamentali tal-appellat. Hija wkoll ikkonfermat li l-ispejjeż għandhom jibqgħu fuq l-Istat, filwaqt li rreiterat li s-sistema tal-ġustizzja għandha bżonn aktar effiċjenza, riżorsi u koordinazzjoni bejn il-prosekuzzjoni u l-qrati sabiex każijiet kriminali ma jibqgħux imdendlin għal snin sħaħ.
//= $special ?>