L-MEP Peter Agius sejjaħ għal tibdil fil-mod kif l-Unjoni Ewropea timpjega l-ħaddiema mal-Istituzzjonijiet Ewropej, inkluż li r-reklutaġġ isir b’iktar lingwi uffiċjali u li l-eżamijiet għandhom isiru iktar b’mod fiżiku milli online ħalli jkunu evitati iżbalji tekniċi.
Qed isejjaħ għal dan f’reżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew biex issir riforma fl-EPSO, anke wara lmenti minn kandidati Maltin u Ewropew oħra li kixfu diversi żbalji tekniċi u anke nuqqas ta’ mmaniġġjar fil-proċeduri preżenti kif isir ir-reklutaġġ mill-European Personnel Selection Office (EPSO).
L-MEP Agius inħatar biex imexxi din ir-riforma għan-nom tal-Partit Popolari Ewropew (EPP) u qed jimbotta biex tinbidel is-sistema preżenti u terġa’ lura l-fiduċja fil-proċess ta’ reklutaġġ fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
“Karriera fl-UE għandha tkun miftuħa għal kulħadd. Sfortunatament, ħafna qed jaqtgħu qalbhom japplikaw għal xogħol mal-istituzzjonijiet Ewropej għax wara żmien ta’ studju u tħejjija, uħud kellhom l-eżamijiet ikkanċellati, nuqqas ta’ komunikazzjoni xierqa u dewmien bla tmiem biex jieħdu risposta”, qal Agius.
“Jekk irridu l-aqwa talent fl-istituzzjonijiet tal-UE, il-proċess ta’ reklutaġġ irid ikun ġust, trasparenti, u aċċessibbli għal kulħadd.”
Agius ippreżenta sensiela ta’ proposti, fosthom li l-kandidati jingħataw l-għażla kemm li jpoġġu għall-eżami online iżda anke b’mod fiżiku f’ċentri li jkunu akkreditati u approvati apposta. Din il-proposta tiżgura aċċess ugwali għal kulħadd inkluż dawk b’ħiliet limitati fit-teknoloġija tal-informatika u/jew persuni b’diżabbiltà.
Agius enfasizza li l-EPSO għandu jkun mgħammar apposta biex il-kandidati jkunu f’pożizzjoni li jużaw il-lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jixtiequ tul l-istadji kollha tar-reklutaġġ. “Skont ir-regoli preżenti, il-kandidati Maltin spiss jiġu mfixkla għax ikollhom jagħmlu testijiet tekniċi bil-Malti, meta aħna mdorrijin nitgħallmu l-matematika u suġġetti tekniċi oħra bl-Ingliż. Irrid li l-proċeduri ta’ reklutaġġ tal-UE joffru livell ugwali għal kull min irid juża l-ħiliet tiegħu għall-ġid tal-Ewropej kollha,” temm jgħid Peter Agius.
//= $special ?>