Lokali Qorti

Miċħud appell tal-FIAU mill-Qorti Kostituzzjonali fuq korrispondenza mal-kumpanija Zenith Finance

Il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet l-appell tal-FIAU u kkonfermat id-deċiżjoni tal-Qorti Ċivili Kostituzzjonali li l-korrispondenza bejn l-FIAU u l-kumpanija Zenith Finance Ltd għandha tibqa’ ssiġillata fil-Qorti, u għalhekk tista’ tiġi aċċessata biss mill-Qorti, mill-partijiet involuti u mid-difensuri tagħhom.

Din il-kawża nbdiet minn Lorraine Falzon, Matthew Pace u Zenith Finance Ltd, li sostnew li l-proċeduri kriminali miftuħin kontrihom fl-2021 dwar ħasil ta’ flus jiksru d-dritt tagħhom li ma jiġux proċessati darbtejn għall-istess fatti, magħruf bħala ne bis in idem – (“persuni ma jiġux proċessati darbtejn għall-istess ħaġa”, li huwa prinċipju legali li jipprojbixxi li persuna tiġi proċessata jew ikkastigata aktar minn darba għall-istess reat jew azzjoni legali.)

Il-Qorti qalet li d-dokumenti kkonċernati, inkluż ittri u korrispondenza skambjata bejn il-kumpanija u l-FIAU, huma relevanti biex tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-proċeduri amministrattivi li wasslu għal multa ta’ €38,750 imposta fl-2018 u l-akkużi kriminali sussegwenti.

Il-Qorti kkonfermat ukoll li l-Artikolu 34 tal-Att dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus (Kap. 373) ma jipprekludix lill-Qorti milli tordna li dokumenti bħal dawn jiġu ppreżentati taħt siġill meta jkunu meħtieġa biex jiġi deċiż allegat ksur ta’ drittijiet fundamentali. Il-Qorti osservat li dawn id-dokumenti huma diġà magħrufa miż-żewġ naħat, u għalhekk ma jikkawżawx preġudizzju fuq l-FIAU.

Din id-deċiżjoni tistabbilixxi punt ta’ prinċipju importanti, billi tikkjarifika li s-segretezza tal-FIAU ma tistax tintuża biex tfixkel investigazzjoni kostituzzjonali dwar drittijiet fundamentali jew biex tikkontesta jekk persuni ġewx ipproċessati darbtejn għall-istess każ.

Lorraine Falzon, Matthew Pace u Zenith Finance Ltd kienu rappreżentati mill-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo.