Il-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti flimkien mal-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, ikkonfermat deċiżjoni preċedenti li ċaħdet l-appell ta’ Luke John Milton kontra s-sentenza tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, li kienet iddikjarat nulla u bla effett referenza kostituzzjonali magħmula mill-Qorti Kriminali dwar allegat ksur ta’ drittijiet tiegħu waqt id-detenzjoni.
Il-każ beda fl-2021, meta Milton ġie arrestat u akkużat bi frodi, approprjazzjoni indebita, serq ta’ kripto-munita, u atti ta’ ħasil ta’ flus. Wara li l-Qorti tal-Maġistrati ċaħdet it-talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrest, huwa ppreżenta diversi rikorsi, fosthom wieħed quddiem il-Qorti Kriminali fit-2 ta’ Settembru 2021 fejn sostna li kien qed jinżamm illegalment taħt arrest.
Meta l-Qorti Kriminali ċaħdet ukoll it-talba tiegħu, Milton talab li l-kwistjoni tintbagħat quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (sede kostituzzjonali), billi sostna li kien hemm nuqqas ta’ ekwità bejn id-difiża u l-Avukat Ġenerali – jiġifieri, li l-liġi tagħti dritt lill-Avukat Ġenerali li jappella ċerti deċiżjonijiet dwar il-ħelsien mill-arrest, iżda ma tagħtix dritt simili lill-imputat.
Madankollu, l-Avukat tal-Istat u l-Avukat Ġenerali oġġezzjonaw li dik ir-referenza kienet magħmula ħażin u barra l-parametri tal-liġi, billi l-Qorti Kriminali ma kellhiex ġurisdizzjoni tisma’ rikors bħal dak meta l-proċeduri kienu għadhom quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.
Barra minn hekk, sostnew li l-każ tilef kull utilità peress li l-Qorti Kriminali kienet diġà ċaħdet it-talba għall-ħelsien u aktar tard Milton ingħata l-ħelsien mill-arrest. Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, f’sentenza tal-25 ta’ April 2024, qablet mal-pożizzjoni tal-Avukat tal-Istat u ddikjarat li r-referenza kienet nulla.
Fil-fehma tagħha, ladarba l-Qorti Kriminali kienet diġà ċaħdet it-talba ta’ Milton u ordnat li l-proċeduri kriminali jkomplu, ma setgħetx fl-istess waqt tordna referenza kostituzzjonali fuq l-istess mertu. Fil-każ ta’ appell, Milton sostna li l-Qorti kienet żbaljata legalment għax referenza kostituzzjonali, ladarba ssir, issir tal-Qorti stess u mhux tal-parti, u għalhekk kellha tiġi eżaminata indipendentement mill-iżbalji jew il-proċeduri li wasslu għaliha.
Iżda l-Qorti Kostituzzjonali ma laqgħetx dan l-argument. Hija osservat li r-referenza ma tistax issir għal skop akkademiku jew f’sitwazzjoni fejn l-utilità tagħha tkun intilfet, speċjalment meta l-persuna inkwistjoni tkun diġà meħlusa mill-arrest. Għalhekk, l-appell ta’ Milton ġie miċħud u ġie kkonfermat li r-referenza kostituzzjonali kienet nulla u bla effett, bl-ispejjeż kontra l-appellant.
//= $special ?>