Lokali Qorti

Multa ta’ €1,200 fuq sewqan perikoluż u ġrieħi involontarji fuq sewwieq ta’ mutur

Il-Qorti tal-Maġistrati, ippreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, ikkundannat lil Leana Le Boulbar, Franċiża ta’ 28 sena residenti f’San Pawl il-Baħar, għal multa ta’ €1,200, sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan għal tmint ijiem, u tnaqqis ta’ erba’ punti mil-liċenzja tagħha, wara li nstabet ħatja ta’ sewqan negliġenti u kawża ta’ ħsara u ġrieħi involontarji f’inċident tat-traffiku li seħħ f’Burmarrad fis-9 ta’ Marzu 2023.

Mill-provi fil-Qorti rriżulta li fil-jum tal-inċident, għall-ħabta tat-8am, Le Boulbar kienet qed issuq il-karozza tagħha, fi Triq Burmarrad, meta ħabtet mal-mutur misjuq minn Denzel Simonini, li kien qed jaqbeż il-karozza fuq in-naħa tal-lemin.

Simonini rrakkonta li kien sejjer lejn ix-xogħol meta, waqt li kien qed jaqbeż, il-karozza tal-akkużata f’daqqa waħda daret lejn triq sekondarja fuq il-lemin mingħajr ma użat sinjal. Dan wassal biex iż-żewġ vetturi ħabbtu u tal-mutur waqa’ mal-art.

Simonini, li ġie kkonfermat bħala vittma tal-każ, ġarrab ksur f’irkopptu tax-xellug u l-għaksa, kif ukoll ħsarat fi nervituri u ligamenti, kif iċċertifikat mit-tabib J. Mifsud tal-Isptar Mater Dei. Huwa qal ukoll li l-mutur tiegħu kellu jiġi msewwi wara l-inċident.

Fil-kontro-eżami, il-vittma ammetta li t-triq fejn ġara l-inċident hija b’linji doppji kontinwi bojod, li jfissru li ma jistax isir qabża bejn il-karreġġjati, iżda qal li kien hemm spazju biżżejjed biex jaqbeż mingħajr ma joħloq periklu. Minkejja dan, il-Qorti osservat li l-akkużata ma żammitx biżżejjed attenzjoni meta daret lejn it-triq sekondarja u naqset milli tiċċekkja jekk kienx hemm xi vettura li kienet se taqbiżha.

Il-Qorti qieset li l-imġiba ta’ Le Boulbar kienet turi nuqqas ta’ attenzjoni u kuraġġ li m’għandhomx jinstabu f’sewwieq prudenti, u għalhekk kienet responsabbli għall-ħsarat u l-ġrieħi kkawżati. Madankollu, il-Qorti ħelsitha mill-akkużi ta’ sewqan perikoluż u bla kont, billi ma kienx hemm biżżejjed provi li l-imġiba tagħha kienet intenzjonata jew b’riskju serju għall-oħrajn.

Bħala riżultat, il-Qorti sabitha ħatja ta’ sewqan negliġenti, kaġun ta’ ħsarat involontarji u ġrieħi involontarji, u imponiet fuqha multa ta’ €1,200, flimkien mat-tnaqqis ta’ erba’ punti mil-liċenzja tas-sewqan u sospensjoni ta’ tmint ijiem tal-istess liċenzja.