Il-Minsitru Byron Camilleri farfar għal kollox fuq l-Uffiċċju tal-Prim Ministru għall-fatt li uffiċjal fi ħdan l-istess OPM fl-aħħar jiem iddeskriva għal aktar minn darba lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, bħala saħħara.
Fl-aħħar jiem permezz ta’ kitbietu Neville Gafà, uffiċjal fi ħdan il-Customer Care tal-OPM, iddeskriva lill-ġurnalista bħala saħħara – eżatt meta fl-aħħar jiem ġie mfakkar it-8 anniversarju mill-eżekuzzjoni brutali li sofriet quddiem il-bieb ta’ darha.
Wara li Net News bagħat sensiela ta’ domandi lill-OPM, inkluż lill-Prim Ministru nnifsu Robert Abela dwar dan id-diskors – staqsejna lill-Ministru Byron Camilleri x’jaħseb dwar dan. Partikolarment jekk l-Uffiċċju tal-Prim Ministru għandux jagħmel apoloġija ladarba l-istess Gafà issa qed jirrappreżenta lill-Gvern.
Madanakollu, il-Ministru Camilleri farfarha fuq l-istess uffiċċju. U fl-istess waqt aċċenna wkoll għal uħud mill-kitbiet ta’ Caruana Galizia – daqslikieku waħda tiġġustifika l-oħra.
Lura fl-2021, fir-rapport tal-Inkjesta Pubblika b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista, il-bord tal-inkjesta kkonkluda li l-Istat kien responsabbli għal dan il-qtil u li kellu jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu għaliex kien ħoloq atmosfera ta’ impunità. Ingħad ukoll li l-Istat m’għarafx ir-riskju reali fuq il-ħajja ta’ Daphne Caruana Galizia u donnu, 8 snin wara l-affarijiet ma nbidlu assolutament xejn.
Dan hekk kif għad għandek rappreżentanti tal-Gvern Laburista li għal aktar minn darba jkomplu jgħajru u jiktbu diskors ta’ mibegħda fil-konfront ta’ din il-mara, anke wara mewtha.
Diskors meqjus bħala attakk dirett fuq il-ġurnaliżmu.
//= $special ?>