Opinjoni

OPINJONI: Dinjiet differenti

Nhar il-Ġimgħa tal-ġimgħa li għaddiet, waqt li kont preżenti għal attività mill-iktar interessanti, fhimt ftit aktar li f’dal-pajjiż qed ngħixu realtà politika differenti minn dik soċjali tal-lum

Carm Mifsud Bonnici
Shadow Ministergħar-Riforma
Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali

Fhimt aktar kemm hemm sitwazzjonijiet ikkumplikati li hemm bżonn min jagħti kas tagħhom.
Fhimt li hemm parti sew mill-poplu li hu maqtugħ, u f’ħafna sens, volontarjament jew involontarjament, maqtugħ għal rasu. Partijiet li jimmeritaw mhux biss attenzjoni imma rappreżentanza.
Kemm aħna ppreparati għal dan hi kwistjoni oħra u għaldaqstant, meta nitkellmu dwar il-ġustizzja soċjali li ftit qishom iridu jsemmu nifhmu li llum din hi aktar neċessarja u li biha tikber aktar id-demokrazija f’dawn il-gżejjer.

Ivan Bartolo
Ħaqqu aktar minn mertu, jew kif kienu jgħidu qabel, kukkarda għal dak li rnexxielu jorganizza.
Bnedmin minn kull parti tad-dinja Maltija u Għawdxija kienu miġbura biex jisimgħu dak li kien qiegħed jiġi ppreżentat. Il-ktieb ‘Il Quddiem b’Dinjità hu fil-fatt ġabra ta’ opinjonijiet, ideat u proposti ta’ persuni varji li jafu x’inhuma jagħmlu.
F’kull artiklu li taqra tara perspettiva differenti. Tara fonti ta’ informazzjoni biex jekk trid tibni komunità aktar attenta, libera u ġusta, tużaha. Id-dokument hu f’dan speċjali għax jirnexxilu jġib stampa aktar sħiħa billi ġieb ħafna biċċiet f’daqqa.
Irnexxielu jagħtina vista ta’ dak li hemm, dak li jista’ jinbidel u dak li għandu fil-fatt jinbidel.

Direzzjoni
Fil-fatt dan hu dokument politiku f’kull sens, u nistieden lil dawk li jistgħu biex jixtruh u jaqrawh.
Dawk il-ħafna li ġew, kien kważi mass meeting, ċertament ħadu lura magħhom esperjenza unika. F’dan ikun aktar tajjeb jekk jiġi mxandar fuq il-mezzi tal-Partit biex jasal għand ferm iktar bnedmin.
Għax hemm il-bżonn li niddiskutu dak li ħaddieħor ma jridx jiddiskuti. Nidħlu għal pożizzjonijiet skomdi imma dovuti biex min jgħix hawn u jaħseb li kollox miexi fuq l-aqwa toroq jifhem li dan mhuwiex proprju l-każ.
Iktar u iktar meta hemm il-mentalità tal-proċess ta’ pajjiż li jimxi fuq id-diviżjoni. Parti tafferma ruħha billi timxi fuq l-oħra. Flok nużaw lil kulħadd naraw biss kif nistgħu neliminaw lil dawk li jew ma jaqblux magħna jew li m’għandniex grazzja magħhom.

Kunċett żbaljat
Il-ktieb imexxina kontra dan il-kunċett xejn tajjeb. Ma nafx minn fejn writna din il-mentalità li flok nifhmu li qegħdin ilkoll f’daqqa naħsbu biss li nistgħu nimxu waħedna.
Nimxu aħna u l-oħrajn jiġu traskurati, imwarrba fil-ġenb u abbandunati. Qisu għandhom xi ħaġa ħażina, xi dell ikrah fuqhom jew għandhom xi inkapaċità partikolari. Hi kultura politika żbaljata li qiegħed nara fix-xenarju politiku tagħna.
Waħda li nikkumbatti fl-affermazzjoni kostanti li kull persuna hi rilevanti. Jekk iktar nemmnu fid-dinjità umana, kif ukoll li l-politika tħares lejn il-bniedem bħala ċ-ċentru tal-ideat u l-bżonnijiet, allura dan m’għandniex nippermettuh.

Diviżjoni
Dan wisq nibża’ li ser narawh lura b’xi mod affermat fil-jum meta jiġi mxandar il-Baġit. F’dan ġiet iffurmata forma ta’ maġġoranza ta’ dawk li jistgħu u li huma komdi, li l-Gvern qiegħed jara kif jinċensa u jżomm miegħu kemm jista’ jkun.
Fil-fatt dan il-jum hu l-iktar wieħed finanzjarju. Uħud jippruvaw jaraw warajh ideat jew viżjoni fit-tul, imma f’dawn is-snin rajna iktar kif ir-rota tibqa’ ddur.
Meta tiġi f’dan tifhem iktar lil dawk li jitkellmu dwar l-“istatus quo”. Dawk li jibdew bħala riformisti, progressisti, soċjalisti, u jispiċċaw konservattivissimi. Dawk li ferħanin bil-poter fil-poter u li mhumiex lesti jissugraw ideat ġodda biex il-klassijiet l-iktar ’l isfel jitilgħu ’l fuq.

Il-klassi medja
Kien hemm żmien meta konna nisimgħu b’din il-klassi. Anzi, kienu jgħidulna kemm il-“middle class” hi importanti u li jridu jżiduha.
Kunċett politiku li dwaru numru ta’ awturi, fosthom Emanuel Todd (1951) jinsistu li huma s-sigriet veru biex titkattar id-demokrazija. Għalihom, u f’dan hemm valur, dik hi ċ-ċavetta li ġġib il-bidliet. Għax dawk li jitilgħu ’l fuq ikunu jridu soċjetà aqwa, differenti u li tgħin lil min hu minn taħt.
Oħrajn huma fil-fatt komdi li l-affarijiet jibqgħu kif inhuma għax iħossuhom affluwenti u li anzi, kif jinsabu, jistgħu jżidu aktar il-ġid tagħhom. F’ħafna, dan hu proprju dak li qiegħed iħabbat il-bieb għalina. Din hi l-isfida ta’ partit interklassista.
Partit li mhuwiex konservattiv u li hu fil-fatt fis-sejħa vera tiegħu progressiv. Wieħed li jħares biex jgħolli lil min hu minn taħt.

Rilevanza
F’dan, dak li sar nhar il-Ġimgħa, 10 ta’ Ottubru 2025 hu iktar utli għax minnu wieħed jista’ verament jislet proċess ta’ bidla. Bir-rispett lejn kulħadd, naħseb li jkun aktar siewi li dawn il-persuni li kitbu jinġiebu jitkellmu fil-Partit.
L-enerġija hi tajba ħafna politikament, imma l-ħsieb u l-linja tagħha huma aktar. Biex nibnu linji politiċi lejn soċjetà aktar ġusta u demokratika rridu nifhmu l-faċċati sħaħ tal-ġustizzja soċjali.
Il-pajjiż jafdana jekk naqbżu għal dawk li għandhom bżonn, għax għandna ideat tajba li fuqhom nistgħu naħdmu. Nittama li fix-xhur li ġejjin ikollna dibattiti u diskussjonijiet interni ma’ dawn il-bnedmin.
Għalija proċess neċessarju li jibni s-serjetà u l-missjoni politika vera tagħna. Forsi f’dan kollu nifhmu aktar id-dinjiet differenti u varji li għandna madwarna.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 19 ta’ Otttubru, 2025.