Beppe Galea
Segretarju Internazzjonali
Partit Nazzjonalista u Kandidat PN
Kien ta’ sodisfazzjon personali għalija, bħala Segretarju Internazzjonali, li nakkumpanja lil Alex Borg, fl-ewwel żjara tiegħu fi Brussell bħala l-Kap ġdid.
Din iż-żjara, organizzata b’mod eċċellenti minn David Casa bħala l-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew, kienet messaġġ ċar li l-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jpoġġi ruħu fiċ-ċentru tad-djalogu Ewropew.
Matul dawn il-jiem fi Brussell, il-Partit Nazzjonalista wera l-viżjoni tiegħu ta’ politika Ewropea li tgħaqqad, mhux tifred.
Iltqajna mal-mexxejja ewlenin tal-Partit Popolari Ewropew (PPE), il-familja politika li fiha jappartjeni l-PN, u stajna niddiskutu kif Malta u Għawdex jistgħu jibbenefikaw minn politika Ewropea li tħares lejn il-bżonnijiet ta’ pajjiżi żgħar u ta’ reġjuni fil-periferija bħalma hi l-gżira Għawdxija.
David Casa kellu sehem kruċjali f’dan kollu. Għal aktar minn għoxrin sena, David Casa kien u għadu l-pont bejn il-PN u l-istituzzjonijiet Ewropej.
Illum, bħala l-Kap tad-Delegazzjoni, qed imexxi b’ħila, b’serjetà u b’viżjoni. Hu grazzi għalih li l-Kap tal-Partit kellu opportunità li jiltaqa’ ma’ diversi mexxejja Ewropej u jesprimi l-impenn tal-PN li jerġa’ jkun forza attiva u kredibbli fil-qalba tal-PPE. L-enerġija, il-messaġġ u l-mod kif ġie milqugħ Alex Borg fi Brussell juru li l-Partit Nazzjonalista huwa meqjus bħala sieħeb serju u rispettat.

Rwol tiegħi bħala Segretarju Internazzjonali
Din iż-żjara kienet ukoll opportunità biex nikkonsolida r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Partit, partikolarment mal-istituzzjonijiet Ewropej.
Bħala Segretarju Internazzjonali, il-missjoni tiegħi hi li niżgura li l-vuċi tal-PN – u b’mod partikolari dik ta’ Malta u Għawdex – tinstema’ b’mod effettiv fil-fora Ewropej.
Il-ħidma tagħna fi Brussell mhix biss dwar politika barranija; hi wkoll dwar kif inħarsu lill-familji, lin-negozji u lill-ħaddiema tagħna billi niżguraw li l-politika Ewropea tkun ta’ benefiċċju għalihom.
Fil-ħin li qattajna fi Brussell, tkellimna dwar temi li jolqtu direttament lill-Maltin u l-Għawdxin – l-isfidi tal-enerġija, il-bidla fil-klima, il-futur tas-sajd u l-agrikoltura, u r-rwol ta’ pajjiżi żgħar fil-politika Ewropea.
Kien hemm sens qawwi ta’ rikonoxximent li Malta għandha ħafna xi tgħid u ħafna x’tirbaħ jekk tkun preżenti u parteċipattiva fil-livell Ewropew.
Wieħed mill-mumenti simboliċi ta’ din iż-żjara kien il-laqgħa tad-delegazzjoni Nazzjonalista mal-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, fl-uffiċċju tagħha fil-Parlament Ewropew.
Kburi li l-President tal-Parlament Ewropew hi Maltija, u għandna nkunu lkoll kburin x’wirt u x’futur Ewropew b’saħħtu għandu l-Partit Nazzjonalista.
Għalija personalment, kienet xhieda ċara ta’ kemm hu importanti li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jkabbar il-preżenza tiegħu f’dawn l-istrutturi, biex jibqa’ jkun sieħeb rispettat fil-livell Ewropew u jġib lura dan ir-rispett lejn Malta u lejn Għawdex.
Għawdex: Reġjun b’vuċi Ewropea
Fil-ġimgħa li fiha saret din il-missjoni, fi Brussell kienet qed tittella’ l-EU Regions Week, il-ġimgħa ddedikata lir-reġjuni tal-Ewropa, fejn isiru diskussjonijiet dwar il-futur tal-iżvilupp reġjonali.
Għalija, bħala Għawdxi, dan kien mument simboliku. Għawdex mhux biss għandu jkun parti mid-diskors Ewropew, imma għandu jkun eżempju ta’ kif reġjun żgħir jista’ jkun fonti tal-innovazzjoni, jikber u jsaħħaħ l-identità tiegħu permezz tal-fondi u l-politika Ewropea.
Kelli wkoll l-opportunità niltaqa’ ma’ membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, fejn iddiskutejna l-importanza tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jiġifieri li d-deċiżjonijiet jittieħdu mill-aktar livell qrib iċ-ċittadin.
Dan huwa valur li għandu jkun il-qalba ta’ kull politika dwar Għawdex: li l-Għawdxin ikollhom aktar setgħa u riżorsi biex jiddeċiedu huma nfushom fuq il-futur tar-reġjun tagħhom. Tul is-snin, il-Partit Nazzjonalista wera dan bil-provi.
Attendejt ukoll avveniment soċjali organizzata mill-MEP Peter Agius, li kienet immirata biex tlaqqa’ lill-Kap Alex Borg mal-komunità Maltija fi Brussell, iżda li ġabet ukoll flimkien lis-Sindki u l-Kunsillieri Għawdxin li kienu fi Brussell għal-laqgħat tal-European Committee of the Regions.
Kien mument sabiħ ta’ għaqda, fejn b’mod informali tkellimna dwar il-ħidma li qed isir fuq livell lokali u dwar kif l-esperjenzi Ewropej jistgħu jiġu tradotti f’benefiċċji konkreti għal Malta u Għawdex.
Leħen li jinstema’
L-esperjenza fi Brussell ikkonfermatli li l-Partit Nazzjonalista għandu l-kapaċità li jerġa’ jkun forza Ewropea, mhux biss bħala parti mill-PPE, imma bħala parti mill-futur politiku ta’ Malta. Alex Borg, b’viżjoni ċara u bil-pass ta’ ġenerazzjoni ġdida, wera li hu lest jassumi dan lir-rwol.
F’dan il-proċess inħoss fid-dmir li nibqa’ nagħmel il-kuntatti bejn dawn iż-żewġ dimensjonijiet: il-livell nazzjonali u dak Ewropew, billi niżgura li l-vuċi ta’ Malta u Għawdex tibqa’ tinstema’, b’rispett u b’dinjità.
Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jerġa’ jħares lejn l-Ewropa mhux biss bħala istituzzjoni politika, imma bħala spazju ta’ opportunità, valuri u solidarjetà. Għax meta Malta u Għawdex ikunu b’saħħithom fl-Ewropa, ir-rispett lejn il-Maltin u l-Għawdxin jikber.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 19 ta’ Otttubru, 2025.
//= $special ?>