Raġel ta’ 47 sena minn Ħal Qormi tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal tliet snin wara li ammetta li ġibed ritratt ta’ tifla ta’ 12-il sena f’ħanut f’Tal-Ħandaq, f’att li l-Qorti qieset bħala wieħed b’konnotazzjoni sesswali.
Il-każ seħħ fil-25 ta’ Marzu 2024 meta Mario Giordmaina kien deher iġib ruħu b’mod suspettuż ġewwa ħanut tal-elettronika u ġibed ritratt tat-tifla mingħajr il-kunsens tagħha. Il-Pulizija ġew infurmati mill-ġenituri tat-tifla wara li din irrakkontat li raġel ħa ritratt tagħha waqt li kienet qed tagħżel oġġetti mal-familja tagħha.
Giordmaina ġie arrestat u aktar tard ammetta li kien hu li ħa r-ritratt, iżda sostna li ma kellux l-intenzjoni li jagħmel ħsara lit-tifla. Waqt l-investigazzjonijiet, ir-raġel qal lill-Pulizija li kien qed jgħaddi minn perjodu diffiċli ta’ stress u problemi fil-familja, u li kien żviluppa vizzju lejn il-pornografija, li eventwalment wasslu biex iġib ruħu b’dan il-mod.
Rapport imħejji minn uffiċjal tal-probation jikkonferma li Giordmaina ma kienx jaf lit-tifla u li ma kienx involut f’imġiba predatorja kontinwa. L-uffiċjal irrimarka li l-akkużat wera dispjaċir ġenwin u kien lest jissieħeb f’programm ta’ riabilitazzjoni.
Minn naħa tagħha, psikjatra li eżaminatu kkonkludiet li l-akkużat kien qed isofri minn diżordni kkawżata minn stress u diffikultajiet personali, iżda ma wera l-ebda sinjal kliniku ta’ pedofelija. Il-professjonista rrimarkat li l-imġiba tiegħu kienet marbuta ma’ stat emozzjonali instabbli u mhux ma’ xejra sesswali devjanti.
Il-Qorti, wara li qieset il-provi kollha, qalet li filwaqt li l-għemil ta’ Giordmaina kien gravi u ta’ tħassib, kien evidenti li kien qed juri r-rieda li jitjieb u jieħu l-għajnuna professjonali meħtieġa. Għaldaqstant, flok piena ta’ ħabs, il-Qorti poġġietu taħt probation għal tliet snin u ordnat li jsegwi trattament psikoloġiku obbligatorju matul dan il-perjodu.
Barra minn hekk, il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni għal tliet snin favur it-tifla u ordnat li isem Giordmaina jitniżżel fir-reġistru ta’ persuni kkundannati għal reati konnessi ma’ minuri, sabiex jibqa’ taħt monitoraġġ kontinwu.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi John Spiteri u Doriette Cuschieri, filwaqt li l-kawża kienet preseduta mill -Maġistrat Charmaine Galea.
//= $special ?>