Lokali Qorti

Aħwa akkużati li attakkaw persuna hekk kif il-Qorti perplessa dwar il-validità tal-arrest

Fil-Qorti, tressqu żewġ aħwa minn Ħaż-Żebbuġ, Ali Faiez ta’ 30 sena, xufier; u Waleed Aslam ta’ 21 sena, student; akkużati li fit-16 ta’ Ottubru f’residenza fi Triq Peter, f’Ħaż-Żebbuġ, weġġgħu lil Khan Baryalai b’arma li taqta’ u li kkawżawlu wkoll ħsara fil-proprjetà u insulti b’imġiba skandaluża.

Id-difiża, immexxija mill-avukat Nicholette Schembri, qajmet kwistjoni dwar il-legalità tal-arresti tagħhom, billi spjegat li l-Pulizija kienu ċemplulhom fit-18 ta’ Ottubru biex imorru fl-Għassa tas-Siġġiewi, iżda l-għada, waqt li kienu r-Rabat jaraw dar ġdida, ġew imsejħin mill-ġdid biex imorru Ħaż-Żebbuġ, fejn imbagħad ġew arrestati.

Il-Qorti innotat li kienet sitwazzjoni mhux tas-soltu fejn is-suspettati kellhom imorru huma stess biex jiġu arrestati. Intant, waqt l-interrogazzjoni, Waleed Aslam allega li kien weġġa’ wkoll waqt l-inċident u ried jagħmel rapport kontra l-vittma, iżda l-pulizija qalu li ma setax jagħmel dan wara li kien diġà arrestat.

Huwa talab ukoll li jarah tabib, iżda ġie infurmat li l-ewwel irid jagħti l-istqarrija tiegħu. Il-Qorti ċanfret lill-Ispettur Sammut, billi qalet li kien l-iktar ħaġa faċli li jiġi rranġat trattament fl-isptar, iżda l-ispettur sempliċement qal lill-akkużat biex jgħid lill-‘custody officer’.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti kkonkludiet li l-arrest ta’ Ali Faiez kien validu u ġustifikat skont il-liġi, iżda ddikjarat invalidu dak ta’ Waleed Aslam minħabba ksur tad-dritt għal kura medika u nuqqas ta’ proċedura korretta.

Ali Faiez wieġeb mhux ħati għall-akkużi, u waqt li l-prosekuzzjoni talbet li jinżamm taħt arrest minħabba n-nuqqas ta’ rabtiet ma’ Malta, id-difiża qalet li għandu negozju tat-trasport u għalhekk għandu interessi f’Malta.

Meta ħareġ li ma kellhomx indirizz fiss, żewġ ħbieb tagħhom xehdu li se jgħinuhom isibu fejn joqogħdu, u l-kerrej ta’ wieħed minnhom aċċetta li jakkomodahom fin-Naxxar.

Il-Qorti tat il-ħelsien lil Ali Faiez taħt kundizzjonijiet stretti, fosthom li ma jistax jitlaq minn Malta, irid jiffirma kuljum fi-Għassa ta’ Birkirkara, josserva curfew bejn l-11 ta’ billejl u s-7:30 ta’ filgħodu, u jipprovdi garanzija personali ta’ €2,000.

Barra minn hekk, il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma, u bagħtet l-atti għand ir-reġistratur sabiex il-każ jiġi assenjat għall-proċeduri li jmiss.