Alex Borg jemmen fil-Koperattivi Maltin

“Il-Koperattivi f’Malta għandhom jingħataw aktar importanza għaliex jirraprezentaw firxa wiesa tal-ekonomija tagħna”

Saħaq dan il-Kap tal-PN Alex Borg f’laqgħa li kellu mal-Koperattivi Malta u l-Federazzjoni tal-Koperattivi Maltin. Liema laqgħa saret fil-Parlament Malti flimkien max-Shadow Minister għall-Ekonomija u Intrapriża Jerome Caruana Cilia u x-Shadow Minister għall-Koperattivi u Whip tal-Oppożizzjoni.

Waqt il-laqgħa r-rapreżentanti tal-Koperattivi saħqu li jixtiequ li jiġu rikonoxxuti iktar bħala negozji fl-isfera ekonomika tal-pajjiż – filwaqt  li spjegaw ukoll kemm jistgħu jgħinu, kemm fit-tkabbir ekonomiku u kemm fit-tkattir tal-ġid b’mod ugwali fost iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Huma saħqu wkoll fuq l-ħtieġa li jibidlu l-liġijiet bankarji u anke emendi fil-liġi kummerċjali sabiex il-Koperattivi jkunu jistgħu jkunu fuq level playing field.

Dan, fost appelli wkoll sabiex il-Koperattivi jissieħbu bħala membri fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.

Min naħa tiegħu il-Kap tal-PN Alex Borg, qabel max-xewqa tal-koperattivi u  saħaq fuq il-ħtieġa li dawn jiġu mħarsa sabiex anke fost l-oħrajn jissaħħaħ il-prodott lokali.

Apparti min hekk Alex Borg sostna wkoll fuq il-ħtieġa li nkattru l-pilastri ekonomiċi ġodda u stqarr li hu jara l-koperattivi bħala għodda ta’ investiment li kapaċi jħallu ġid reali f’idejn iċ-ċittadini u anke ritorn b’saħħtu fl-ekonomija Maltija.

Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo