L-MEP Laburista Daniel Attard spiċċa ġie mċanfar waqt id-dibattitu li sar fil-Parlament Ewropew wara li hu u sieħbu Alex Agius Saliba allegaw b’mod qarrieqi li dan id-dibattitu qed iħammeġ isem Malta.
Infatti f’intervent li għamlet, l-MEP Raquel Garcia Hermida-van der Walle sostniet li dan id-dibattitu fl-ebda ħin ma kien kontra l-poplu Malti.
L-MEPs tal-Labour Alex Agius Saliba u Daniel Attard komplew bir-retorika partiġjana anke fuq livell Ewropew. Bl-argumenti tagħhom ġew imċanfra ripetutament.
Apparti minn hekk, infexxew ukoll f’attakki partiġjani fuq il-PN f’dibattitu fejn suppost ġie diskuss ir-Rule of Law u l-protezzjoni favur il-ġurnalisti.
Spikkaw ukoll numru ta’ diskorsi li lkoll semmew li fil-Gvern Malti għadha qed tirrenja l-impunità kif ukoll il-bżonn li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet li saru bil-għan li l-ġurnalisti jkunu protetti.
Min-naħa l-oħra, dehret b’mod ċar il-qasma li hemm bejn l-MEPs tal-Labour hekk kif Thomas Bajada ma mexiex fuq il-passi tal-kollegi tiegħu. Iżda minflok qal li biex issir ġustizzja ma’ Daphne, trid issir ġustizzja mal-ġurnalisti kollha.
Matul id-dibattitu tkellmu wkoll l-MEPs f’isem il-Partit Nazzjonalista David Casa u Peter Agius li sostnew li Daphne Caruana Galizia nqatlet għaliex qalet il-verità; u jeħtieġ li ssir ġustizzja llum qabel għada.
Intant, fl-intervent tagħha l-MEP f’isem is-Soċjalisti Marta Temido saħqet fuq l-importanza li tiġi infurzata r-rule of law għaliex il-ġurnaliżmu huwa pilastru tas-soċjetà. Dan apparti li l-MEP Soċjalist Sandro Ruotolo qal li attakk fuq il-ġurnalisti huwa dejjem attakk fuq id-demokrazija.
//= $special ?>