Lokali

Clyde Caruana jerġa’ jmeri lil Robert Abela dwar it-trasport tal-massa

Liema hi l-pożizzjoni uffiċjali tal-Gvern? Dik ta’ Robert Abela jew dik ta’ Clyde Caruana?

Wara snin twal li fihom il-Gvern kien warrab kull ħsieb ta’ sistema ta’ Metrò, issa, kif resqin lejn elezzjoni ġenerali oħra, Robert Abela biddel id-diska u qal li Malta għandha bżonn tinvesti f’sistema ta’ trasport tal-massa.

Imma dalgħodu, Clyde Caruana reġa’ kkontradixxa lill-Prim Ministru. Huwa qal li ma jaqbilx ma’ dak li qal Abela, u li jkun żball kbir jekk Malta tinvesti f’sistema ta’ trasport tal-massa.

Ftit tal-jiem ilu, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg stieden lil Robert Abela biex jiffirmaw ftehim bejn iż-żewġ partiti politiċi biex, ikun min ikun fil-Gvern, dan l-investiment fit-tul isir.

Issa qed nifhmu għalfejn Robert Abela ma riedx jaċċetta din l-istedina. Jidher li Clyde Caruana ma ħalliehx.

Il-Maltin u l-Għawdxin għandhom kull dritt jistaqsu: liema hi eżattament il-pożizzjoni tal-Gvern? Dik ta’ Robert Abela jew dik ta’ Clyde Caruana?

Il-poplu jistenna li jkollu gvern li jifhem il-bżonnijiet tiegħu u jipproponi soluzzjonijiet konkreti għall-problemi reali, mhux Gvern maqsum dwar l-aktar deċiżjonijiet importanti għall-futur ta’ pajjiżna.