Raġel ta’ 47 sena minn Santa Venera, li għandu dak li l-Qorti ddeskriviet bħala rekord kriminali “bibbliku”, intbagħat erba’ snin ħabs wara li nstab ħati li hedded, insulta u weġġa’ ħafif tliet pulizija fl-2021. Joseph Zammit instab ħati wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li kienu ġew imposti fuqu x-xahar ta’ qabel l-inċident.
Il-każ seħħ meta raġel daħal fl-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun biex jiffirma l-‘bail book’ wara li ngħata l-ħelsien mill-arrest u rrappurta li Zammit kien qed isegwih u hedddu li se jitfagħlu l-aċidu. Żewġ pulizija marru jikkonfrontaw lil Zammit barra l-Għassa u sabuh ħafi u bla qmis u jżomm fl-idejn flixkun li allegatament kien fih ċidu.
Meta ġie ordnat biex iwaqqaf dak li kien qed jagħmel, Zammit irrifjuta u nqala’ argument li fih kellhom jintervjenu tliet uffiċjali. Matul l-arrest, Zammit beda jimbotta u jħabbat lill-pulizija, fejn wieħed waqa’ mal-art u saħansitra pprova jigdem lill-uffiċjali.
Wieħed mill-pulizija xehed li Zammit deher taħt l-influwenza tad-droga. L-akkużat ikkontrasta l-verżjoni tal-pulizija u allega li ġie trattat ħażin minnhom, iżda l-filmati tal-bodycam li ressqu l-prosekuzzjoni kkonfermaw li ma kien hemm l-ebda eċċess ta’ forza.
Zammit sofra xi ġrieħi waqt l-arrest u ttieħed l-ewwel l-Isptar Mater Dei u mbagħad ġie trasferit l-Isptar Monte Carmeli. Fil-kundanna tagħha, il-Maġistrat Nadine Sant Lia qalet li r-rekord kriminali ta’ 42 paġna ta’ Zammit huwa “bibbliku” u li l-imputat ma wera l-ebda sinjal ta’ riforma minkejja l-opportunitajiet kollha li ngħata matul is-snin.
Il-Qorti kkundannatu erba’ snin ħabs u multa ta’ €8,000.
L-Ispettur Andy Rotin mexxa l-prosekuzzjoni filwaqt li l-avukat tad-difiża Julia Micallef Stafrace dehret f’isem l-akkużat. Il-kawża saret quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia.
//= $special ?>