Kien ilu ġranet sħaħ jgħid li s-Soċjalisti se joħorġu stqarrija. Biex issa, skoprejna li l-istqarrija kitibha hu – fejn spiċċa ikkontradixxa kliemu stess.
Dan huwa l-livell li waqa’ fih il-Partit Laburista, meta d-Deputat Mexxej tiegħu – l-MEP Alex Agius Saliba – ħareġ qatta’ bla ħabel jattakka lill-PN b’mod partiġjan. Dan għaliex ILLUM il-Parlament Ewropew se jfakkar il-memorja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Kien Alex Agius Saliba innifsu li fuq Facebook ftaħar man-nies (ara r-rirtratt fuq) li kien hu li kiteb u ħareġ din l-istqarrija.
Matul l-aħħar jiem, il-Labour ivvinta fake news dwar Alex Borg. Imbagħad beda jgħid li hemm xi mozzjoni kontra Malta. Dan meta fil-verità, din kienet kollha retorika mill-Partit Laburista biex jipprova jwelled gidba. Tant li anke l-Grupp tas-Soċjalisti qablu mal-EPP fuq id-dibattitu – għax mhux “kontra Malta” kif qed jippruvaw ibellgħuha lin-nies, imma favur il-poplu Malti u Għawdxi.
Tant hu hekk, li anke Agius Saliba nnifsu kellu jammettiha fl-istqarrija li ħareġ ilbieraħ bil-lejl. Fejn qal li s-Soċjalisti mhux jopponu dibattitu fuq is-saltna tad-dritt – għalkemm skont id-Deputat Mexxej ta’ Robert Abela, kien it-titlu li dejqu.
Din hi silta meħuda mill-istqarrija ta’ Alex Agius Saliba, li kiteb hu stess:
“While we do not oppose any rule of law debates, we felt that the title of this debate was biased”.
