Lokali Qorti

Il-Kroat mixli b’76 kilo kokaina valur ta’ €9 miljun: Kien għamel tliet vjaġġi oħra bejn Malta u Għawdex għal ħlas ta’ €3,000 kull darba

Nenad Kovacic, fl-istqarrija tiegħu lill-Pulizija, ħadha kollha fuqu u ammetta li kien diġà għamel tliet vjaġġi oħra bejn Malta u Għawdex bl-istess skop, fejn kien qed jistenna ħlas ta’ €3,000 għal kull vjaġġ. Hu sostna li kien imħallas biex jagħmel dawn it-trasporti u li kien jaf li kien qed iġorr sustanzi illegali.

Diversi ġimgħat ta’ osservazzjonijiet u investigazzjonijiet mill-Pulizija dwar moviment suspettuż bejn Malta u Għawdex kienu wasslu għall-arrest ta’ ċittadin Kroat ta’ 45 sena, Nevad Kovacic, u għas-sejba ta’ total ta’ 76 kilogramma kokaina, b’valur stimat ta’ madwar €9 miljun.

Dan ħareġ hekk kif it-Tlieta waranofsinhar bdiet il-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech fil-Qorti ta’ Għawdex. Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur John Lee Howard, spjegat li fl-14 ta’ Ottubru 2025 daħlet informazzjoni anonima li fiha ssemmiet Toyota Rav 4 li kienet mistennija tinżel Għawdex u li fiha kien hemm suspett ta’ sustanzi illegali.

Il-vettura ġiet imwaqqfa mill-Pulizija meta waslet fil-port tal-Imġarr, fejn surġent wassal lill-passiġġier biex jidentifika ruħu. L-individwu wera dokument Kroat li kkonferma l-identità tiegħu bħala Nevad Kovacic. Wara li ngħata d-drittijiet tiegħu, il-Pulizija għamlu tfittxija fuq il-vettura u fil-bagalja sabu sports bag li fih kien hemm 18-il pakkett b’logo ‘Nando’, li t-testijiet preliminari kkonfermaw li kienu jikkonsistu f’kokaina b’piż ta’ 18 kilogramma. Kovacic ġie arrestat fuq il-post u informat bid-drittijiet tiegħu bil-lingwa Kroata.

Ftit wara l-arrest, l-akkużat qalilhom li kien qed iħoss uġigħ f’sidru u ġie trasferit l-ewwel l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u mbagħad Mater Dei, fejn l-għada, 15 ta’ Ottubru, sarlu intervent kardijaku biex jitneħħew żewġ molol.

Hu kien eventwalment illiċenzjant, iżda ma ngħatax ċertifikat mediku li kien tajjeb għall-interrogazzjoni. Matul il-proċeduri, l-Ispettur Howard qal li wara li ġie arrestat Kovacic, il-Pulizija marru jagħmlu tfittxija fir-residenza tiegħu fix-Xagħra, fejn instabu 52 pakkett ieħor ta’ kokaina moħbija f’basktijiet tal-Lidl, kollha maħżuna f’diversi partijiet tad-dar.

Din it-tfittxija saret fil-preżenza tas-sid tal-proprjetà, iżda mhux fil-preżenza tal-akkużat, li dak il-ħin kien l-isptar. Id-difiża mmexxija mill-Avukat Nicholas Mifsud qajmet diversi oġġezzjonijiet dwar il-proċedura tal-arrest u tat-tfittxijiet.

Il-kwistjoni ewlenija kienet li ma nħariġx mandat ta’ tfittxija, u li l-akkużat ma kienx preżenti waqt it-tfittxija fid-dar tiegħu. L-Ispettur ammetta dan, iżda sostna li “ma ħassewx li hemm bżonn” li dan jissejjaħ. Minn naħa tiegħu l-Ispettur Howard qal li ċ-ċirkostanzi ma ppermettewx li l-akkużat ikun preżenti.

Barra minn hekk, ġie kkonfermat li meta l-Pulizija daħlu fid-dar, sabuha mqallba bil-gwardarobbi miftuħa, u li ma saret l-ebda verifika jekk kienx hemm CCTV cameras li setgħu juru min daħal jew ħareġ qabel ma waslet il-Pulizija.

Fix-xhieda tiegħu, l-espert tal-Qorti Gilbert Merċieca kkonferma li l-piż totali tas-sustanza allegata kien 76 kilogramma. Is-Surġent Darren Bugeja spjega li kien fuq il-post waqt l-arrest u li ngħataw id-drittijiet lill-akkużat bil-Kroat, waqt li kuntistabbli kkonferma li kien hu li waqqaf il-vettura u sab il-basket bil-pakketti meta fetaħ il-bagalja, b’Kovacic preżenti fuq il-post.

Id-difiża insistiet li hemm nuqqasijiet serji fil-proċedura, fosthom in-nuqqas ta’ mandat, in-nuqqas ta’ preżenza tal-akkużat waqt it-tfittxija, u l-fatt li ma saritx verifika fuq filmati ta’ sorveljanza minkejja li r-residenza nstabet f’kundizzjoni ta’ qlajja’ qabel waslet il-pulizija. Hawn l-Avukat prosekutur Godwin Cini wieġeb li fiċ-ċirkostanzi tal-każ il-liġi tgħid li ma hemmx il-ħtieġa għall-mandat.

Kovacic, fil-istqarrija tiegħu, ħadha kollha fuqu u ammetta li kien diġà għamel tliet vjaġġi oħra bejn Malta u Għawdex bl-istess skop, fejn kien qed jistenna ħlas ta’ €3,000 għal kull vjaġġ. Hu sostna li kien imħallas biex jagħmel dawn it-trasporti u li kien jaf li kien qed iġorr sustanzi illegali.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Godwin Cini mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi John Howard u Alfredo Mangion waqt li għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Franco Debono u Nicholas Mifsud. Il-kumpilazzjoni se tkompli fil-25 ta’ Novembru fis-2pm.