Lokali

Il-Ministru Clyde Caruana jgħid li l-COLA se tkun inqas minn €5

Konferma li l-għajnuna għall-għoli tal-ħajja għas-sena d-dieħla se tkun inqas minn €5 – żieda tal-COLA li, skont l-indikazzjonijiet, xorta se tibqa’ tiġi intaxxata.

Dan ġie żvelat mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana waqt intervista li ġiet organizzata mit-Times of Malta u li kienet dwar il-Budget 2026, li se jiġi ppreżentat nhar it-Tnejn li ġej.

Minkejja l-appelli li saru matul is-snin kemm mill-Korpi Kostitwiti kif ukoll mill-Partit Nazzjonalista, il-COLA se tkompli tiġi intaxxata. U allura dan ifisser li l-għajnuna għall-għoli tal-ħajja se tkun inqas minn dik li se tissemma’ fid-diskors tal-Budget.

Matul din l-intervista, il-Ministru Clyde Caruana ġie mistoqsi dwar numru ta’ temi – fost l-oħrajn it-turiżmu, il-kostruzzjoni, il-4 day work week, il-linja nazzjonali tal-ajru kif ukoll it-trasport tal-massa.

B’rabta mat-traffiku u s-sistema moderna ta’ trasport tal-massa, Clyde Caruana qal b’mod l-aktar ċar li mhuwiex konvint li l-metro hija soluzzjoni sabiex tiġi indirizzata l-kriżi li għandna fit-toroq tagħna.

Apparti minn hekk, Clyde Caruana qal ukoll li pajjiżna jeħtieġ aktar turisti ta’ kwalità minflok kwantità akbar ta’ turisti. Huwa spjega li dan jista’ jsir billi jkun hawn titjiriet minn pajjiżi li jistgħu jġibu turisti ta’ kwalità.

B’rabta mal-4-day work day week, Clyde Caruana qal li pajjiżna mhuwiex lest għaliha filwaqt li skont hu din mhux se żżid il-produttività fil-post tax-xogħol.

Mistoqsi dwar Għawdex li fl-aħħar snin intesa kompletament minn budgets suċċessivi, il-Ministru Clyde Caruana wiegħed li se jkun hemm proposti li jikkonċernaw lil Għawdex; iżda qal ukoll li hemm ħafna aktar li jista’ jsir sabiex il-gżira ta’ Għawdex tara negozji sostenibbli.