Lokali

Il-PN joffri soluzzjonijiet realistiċi biex inti tgħix aħjar

Min ħoloq il-problemi, ma jistax ikun hu li jsolvihom

Il-Partit Nazzjonalista jemmen fil-poplu Malti, fil-ħaddiema ta’ pajjiżna u fis-sidien tan-negozju. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li s-soluzzjonijiet li qed iressaq jistgħu jġibu bidla għall-aħjar fil-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.

Fi stqarrija, Adrian Delia, ix-Shadow Minister għall-Finanzi; u Jerome Caruana Cilia, ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża; sostnew li soluzzjonijiet għall-isfidi ta’ pajjiżna jeżistu. Iżda biex dawn jitwettqu, hemm bżonn ta’ viżjoni ċara, rieda u tmexxija għaqlija.

Il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar ġranet semma numru ta’ proposti li jemmen li trid issir konsultazzjoni dwarhom. Fost dawn hemm il-proposti ta’ four-day week, tnaqqis fit-taxxa tal-kumpaniji u tnaqqis tal-VAT, inizjattivi li se jnaqqsu l-piżijiet minn fuq il-familji u n-negozji u li se jwasslu għal bilanċ aħjar bejn il-ħajja u x-xogħol.

L-istorja, anke riċenti, dejjem turi li inqas taxxi jixprunaw konsum ogħla, titjib fil-konformità mat-taxxa u allura dħul sostenibbli. Il-PN huwa lest joffri soluzzjonijiet filwaqt li l-Gvern jibqa’ jġib l-iskużi.

Waqt laqgħa ta’ qabel il-budget dalgħodu, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana – il-moħħ wara “Malta kożmopolitana” u ż-żieda bla preċedent fil-popolazzjoni – qalilna biss li dawn il-proposti ma jistax iwettaqhom.  L-istess Ministru li ħoloq l-akbar ammont ta’ dejn li qatt ra pajjiżna mill-Indipendenza ’l hawn – rekord ta’ €11-il biljun – qalilna li għal dawn l-affarijiet, m’għandux flus. 

L-istess Clyde Caruana li ma ddejjaq xejn iżid id-dejn b’biljun ewro din is-sena, bil-konsegwenza li minn Jannar sa Awwissu l-poplu Malti ħallas kważi €200 miljun f’imgħaxijiet fuq id-dejn li għamel il-Ministru, qed jgħid li m’għandux €160 miljun biex inaqqas it-taxxa fuq in-negozji, jew €360 miljun għall-four-day-week.

Il-Gvern illum ammetta wkoll li ristorant medju f’Malta jaqla’ mhux aktar minn €13,000 f’sena, sinjal ċar li s-settur qed ibati u għandu bżonn l-għajnuna, mhux aktar taxxi jew burokrazija.

Dawn huma biss skużi li huma prova ċara li min ħoloq il-problemi, ma jistax ikun hu li jsolvihom.

Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista b’wiċċu minn quddiem se jibqa’ jippreżenta proposti li jtejbu l-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.

Aħna nemmnu fil-poplu Malti. Nemmnu f’pajjiżna.

Flimkien, se jirnexxilna.