Lokali Qorti

Il-Qorti Kostituzzjonali tiddikjara li ma kien hemm l-ebda ksur tad-dritt għal smigħ ġust fil-każ ta’ Miriam Pace meta s-sit ingħata r-rilaxx

Il-Qorti Kostituzzjonali kkonkludiet li l-proċeduri fil-konfront ta’ Ludwig Dimech ma kinux jiksru l-prinċipju ta’ ġustizzja proċedurali, u rrikonoxxiet li l-awtoritajiet Maltin kienu aġixxew b’mod proporzjonat u skont il-liġi fil-ġestjoni tal-provi u tar-rilaxx tas-sit fejn mietet b’mod traġiku Miriam Pace iktar minn ħames u nofs ilu.

Din id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti flimkien mal-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, qalet dan meta ħassret sentenza preċedenti li kienet tat raġun lil Ludwig Dimech, wieħed mill-akkużati fil-każ dwar il-mewt traġika ta’ Miriam Pace fit-2 ta’ Marzu 2020 f’Ħamrun.

L-ewwel Qorti kienet kienet sabet li t-tħassir tal-kustodja tal-post tal-inċident – jiġifieri s-sit tal-kostruzzjoni tal-kumpanija MCZMC Developers Ltd – kien jiksrilu d-dritt għal smigħ ġust skont l-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Dimech kien sostna li, billi l-awtoritajiet ħallew is-sit jinħeles qabel ma l-proċeduri kriminali kontra tiegħu u l-ko-akkużat Nicholas Spiteri kienu konklużi, ġie mċaħħad minn opportunità essenzjali biex jorganizza d-difiża tiegħu b’mod sħiħ, inkluż billi juri lill-ġurati l-kundizzjonijiet fiżiċi tas-sit.

Madankollu, il-Qorti Kostituzzjonali, wara li eżaminat l-appelli tal-Avukat tal-Istat, tal-kumpanija MCZMC Ltd, u l-appell inċidentali tal-familja Pace, waslet għall-konklużjoni li ma kien hemm ebda preġudizzju reali fil-konfront ta’ Dimech.

Il-Qorti osservat li s-sit kien dokumentat b’mod estensiv permezz ta’ ritratti, filmati u rapporti tekniċi miġbura matul l-inkjesta maġisterjali, u għalhekk l-evidenza materjali kollha meħtieġa kienet diġà ppreservata. Għalhekk, l-aċċess fiżiku lis-sit ma kienx indispensabbli għall-preparazzjoni tad-difiża, u lanqas ma kien essenzjali biex il-ġurati jifhmu l-kuntest tal-każ, għax il-provi viżwali u dokumentarji kienu biżżejjed biex juru l-istat reali tas-sit qabel il-kollass.

Il-Qorti rrimarkat ukoll li Dimech u l-avukati tiegħu kienu preżenti għas-seduta fejn ġie deċiż dwar ir-rilaxx tas-sit, u ma qajmux ebda oġġezzjoni f’dak il-mument. Għaldaqstant, ma setgħux jinvokaw ksur ta’ drittijiet fundamentali f’fażi aktar tardiva. Barra minn hekk, il-Qorti ddikjarat li l-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-armi (equality of arms) kien ġie mħares, billi kemm l-akkuża kif ukoll id-difiża kellhom aċċess għall-istess materjal ta’ prova li ġie miżmum u ppreservat b’mod xieraq waqt l-investigazzjoni.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti Kostituzzjonali ħassret is-sentenza preċedenti fil-parti li kienet waqqfet ir-rilaxx tas-sit ta’ MCZMC Developers Ltd, u ikkonfermat ir-rilaxx legali tal-Polic Commissioner u tal-Avukat Ġenerali. L-appelli tal-Avukat tal-Istat u ta’ MCZMC Ltd ġew aċċettati, filwaqt li l-pretensjonijiet kollha ta’ Ludwig Dimech ġew miċħuda.

Fl-aħħar nett, il-Qorti ordnat ukoll li Dimech iħallas l-ispejjeż tal-appelli kollha, billi ħadet inkonsiderazzjoni li l-azzjoni tiegħu kienet ġiet miċħuda b’mod sħiħ. Din id-deċiżjoni tikkonsolida l-prinċipju li d-dritt għal smigħ ġust ma jfissirx li l-provi jridu jinżammu indefinittivament, iżda li jkun hemm preservazzjoni suffiċjenti u imparzjali tal-evidenza li tippermetti difiża effettiva.