Local Lokali Qorti

Il-qtil doppju fil-Baħrija: Kieku marru iktar qraba kien jisparalhom – Ciantar lill-Pulizija

Kieku marru iktar qraba kien jisparalhom u li kollox sar fis-saħna tad-demm, l-akkużat ta’ qtil doppju -Carmelo Ciantar qal lill-Pulizija fejn ħareġ ukoll waqt it-tkomplija tal-kumpilazzjoni minn espert forensiku li fuq il-persuna tal-akkużat instabu 67 partiċella ta’ residwu li jikkonfermaw li verament kien spara t-tiri.

Dan ħareġ meta quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima komplew il-proċeduri fil-każ kontra Carmelo Ciantar ta’ 72 sena, magħruf bħala “d-Durga”, li qed jiġi mixli bl-omiċidju doppju fil-Baħrija, limiti tar-Rabat fejn ġew maqtula Dennis Mifsud ta’ 51 sena mis-Siġġiewi u Anthony Agius ta’ 57 sena mir-Rabat, dan tal-aħħar huwa t-tifel tas-sieħba tal-akkużat.

L-ewwel xhud fil-każ tat-Tlieta kien l-espert forensiku Matthew Grima, li spjega li fuq il-persuna ta’ Ciantar instabu 67 partiċella ta’ residwu ta’ sparatura, minn fuq id il-leminija, il-flokk, il-jeans u fuq il-bwiet tiegħu, fost oħrajn p- u minn dawn 22 kienu tat-tip “characteristic”, indikattivi li l-persuna sparat arma tan-nar.

Fil-fatt minn dak li qal Ciantar lill-Pulizija huwa ammetta mal-Pulizija li spara t-tiri u qal: “Li kieku ġew iktar qraba kont nisparalhom.” Ix-xhieda tal-Ispettur Wayne Camilleri rrakkontat kif, wara l-inċident, Ciantar kien arrested fil-parkeġġ tal-PAMA fil-Mosta waqt li kien qed sejjer lejn il-vettura tiegħu u ammetta li l-arma li kienet ikkargata kienet għadha fil-vann tiegħu.

Il-vettura tiegħu, Peugeot, ġiet miġbura għall-analiżi forensika fejn instabu żewġ partiċelli oħra fuq is-seat tagħha. Huwa spjega li l-akkużat kien kalm u koperattiv waqt l-interrogazzjoni, u li qalilhom li kellu l-intenzjoni li jagħmel suwiċidju, u ammetta l-qtil taż-żewġ persuni, filwaqt li wera rimors għal wieħed minnhom, b’referenza għal Dennis Mifsud.

L-Ispettur Wayne Camilleri mill-iskwadra tal-Omiċidji spjega li meta ġie msejjaħ għall-investigazzjoni fid-29 ta’ Lulju, il-post kien diġa’ preservat fejn fuq il-post kien hemm iż-żewġt irġiel kienu maqtula minn arma tan-nar.

Huwa rakkonta kif il-familji tal-vittmi kienu preżenti u li l-akkużat kien identifikat permezz ta’ numru ta’ mobajl li kien qiegħed juża, u wara xi lokalizzazzjonijiet inizjali f’Mellieħa u n-Naxxar, Ciantar instab fil-parkeġġ tal-PAMA fil-Mosta mill-Ispettur Kurt Zahra u Lydon Zammit.

Il-Pulizija spjega li l-akkużat kien kalm u koperattiv waqt l-arrest u ammetta li l-arma li kienet ikkargata kienet fil-vann tiegħu u li kellu l-intenzjoni li jagħmel suwiċidju wara l-inċident. Il-karozza tiegħu kienet sigillata u miġbura għall-analiżi forensika flimkien mal-ħwejjeġ u l-vettura tiegħu.

Ix-xhud qal ukoll li Ciantar kien pożittiv għal Covid u ttieħed għal test qabel ma ttieħed fil-lock-up tal-Pulizija. L-espert mediku legali Dr Mario Scerri kien preżenti għall-awtopsja tal-vittmi u eżamina l-feriti, inkluż it-tiri u kkonferma li ma kien hemm l-ebda sopriża dwar il-mod kif il-vittmi mietu.

Ix-xhieda spjegat li l-qtil kien kkawżat minn xi argumenti dwar art u relazzjonijiet mal-familja, u li Ciantar ammetta li kien hemm argument verbali, mhux fiżiku mas-sieħba tiegħu, qabel ma ħa l-arma u telaq il-barra u saret l-isparatura.

L-Ispettur Wayne Camilleri qal li fid-29 ta’ Lulju meta seħħ il-każ hu ma kienx xogħol imma fis-6.30pm kien ċempillu l-Ispettur Kurt Zahra fuq omiċidju doppju fil-Baħrija. Xorta mar fuq il-post u dan kien fis-7.20pm.

Hemmhekk diġa kien hemm il-kollega tiegħu u tal-RIU u kien mgħarraf. Il-post kien diġa’ preżervat. Kien hemm ukoll membri tal-familja tagħhom. Hu ma kellimhomx imma sħabu kienu kellmuhom. Sar jaf li dawn bdew isemmu lil Carmelo Ciantar għax kienu diġa’ saru xi telefonti.

Il-vittma Mifsud instab f’karozza fin-naħa tas-sewwieq u l-vittma l-ieħor kien mal-art. Tenna li l-Pulizija kienu jafu n-numru tal-mobajl ta’ Carmelo Ciantar, li ngħata lilhom minn membri tal-familja. Huma kienu qed jissuspettaw fih għax kien hemm xi diżgwid fuq xi art.

Ix-xhid qal li beda jsir proċess ta’ lokalizzjoni ta’ Ciantar fejn l-ewwel beda jagħtihom il-Mellieħa, u marru hemm u wara beda jimmarka n-Naxxar. L-Ispettur Kurt Zahra pprova jagħmel kuntatt miegħu. Fit-8.30pm Zahra qallu li mill-aħħar telefonata, Ciantar qallu li kien jinsab fil-parkeġġ tal-PAMA fil-Mosta.

Ħames minuti wara qal ix-xhud kien fil-post fejn l-Ispettur Kurt Zahra u l-Ispettur Lydon Zammit kienu diġa arrestawh. Ciantar qalilhom li kien mar il-KFC. U meta kien qed jimxi lejn il-vettura tiegħu qalilhom li wara li kiel kellu l-pjan li joqtol lilu nniffsu bl;-istess arma li qatel liż-żewġt irġiel.

Qalilhom ukoll li l-arma kienet għada fil-vann fuq wara u kienet ikkargata. Ix-xhud kompla jgħid li kien id-dlam u kien hemm ħafna nies, u għalhekk ġie deċiż li l-karozza tiġi siġġilata. Il-vettura minn hemm ġiet towjata għas-sezzjoni forensika tal-Pulizija.

Ciantar qalilhom ukoll biex joqgħodu attenti għax kien qed jissuspetta li kien pożittiv għal Covid. Dan kien konfermat meta ttieħed Mater Dei għal test u wara ttieħed lejn il-lock-up tal-Pulizija. Wara ittieħed fejn il-karozza tiegħu u hawn ittieħdet l-arma u ġiet konfiskata u dan għas-sigurtà tal-Pulizija fejn hu beda jikkopera.

Kien hemm tliet skrataċċ fuq l-arma li kienet imgeżwra f’kutra kannella. Wara ħadulu l-ħwejjeġ u ġabulu oħrajn biex isiru testijiet għal-‘gun shot residue’ biex jittieħdu kampjuni. Il-Maġistrat inkwerenti kien hemm il-ħin kollu.

Ix-xhud qal ukoll li saru testijiet mit-tabib Mario Scerri. L-għada x-xhud qal li kien preżenti għall-awtopsja tal-vittma fejn ittieħdu wkoll xi ritratti u tal-ballistika eżaminaw il-feriti. Ma kien hemm l-ebda sorpriżi dwar kif mietu l-irġiel.

Dennis Mifsud kellu tir wieħed f’wiċċu mill-viċin u Agius tliet tiri tnejn f’żaqqu u l-ieħor f’rasu. Qabel ġie interrogat l-akkużat talab għall-avukat fejn l-ewwel ikkonsulta mal-Avukat Maria Karlsson. Ciantar wieġeb għal kull mistoqsija.

Qalilhom li l-vittmi jiġu mis-sieħba tiegħu u li ilu magħha 10 snin. Agius kien binha u li lilha qalilha “qtiltomlok il-fniek”. Qal li kif qam kellu argument ma’ Agnes (is-sieħba tiegħu) għax qal li hi kienet taqbeż ħafna għal dawk li jiġu minnha.

Il-ġlied kien ikun fuq biċċa art u ġġieled magħha għax kienet taqbeż ħafna għalihom. Qal li dak inhar kif qam qabad l-arma u mar fejn seħħ l-inċident. L-ewwel wieħed li tfaċċa kien Dennis Mifsud bil-vann, u tenna li dan lanqas biss jaf x’laqtu għax sparalu f’rasu fuq in-naħa tas-sewwieq seat fejn instab.

Qalilhom li xi siegħa u nofs wara wasal Dennis Agius, u sparalu tliet tiri, tnejn f’sidru u l-ieħor f’rasu. Huwa wara għattih b’kutra għax beda jitħassar il-kelb. “X’kien jiġri li kieku marru xi qraba oħra x’kien jagħmel, qal lill-Pulizija, li kien jisparalhom ukoll,

Qal waqt l-interogazzjoni li l-aħħar darba li uża s-senter kien għall-kaċċa f’April. Dwar in-nirien qal li hu kien qabbad il-post fejn kien juża u dan għaliex kien nefaq ħafna fiha u ma riedx li ħadd ieħor igawdih. Tenna li l-għalqa kienet ta Agnes, is-sieħba tiegħu.

Qal ukoll lill-Pulizija li mar il-Mellieħa l-ewwel wara l-qtil għax hemm għandu kamra. Waqt il-kontro eżami x-xhud qal lit-tabib Mario Scerri eżamina lill-akkużat anke mentalment anke minħabba l-fatt li qal lill-Pulizija li ried joqtol lilu nniffsu.

Ix-xhud qal ukoll li l-imputat kien dejjem kalm u koperattiv. “Meta għandek bniedem suspettat li kkommetta omiċidju doppju mhux aħjar li kieku huwa ġie eżaminat minn psikjatra?” Staqsa l-Avukat Franco Debono.

Ix-xhud qal li peress li l-akkużat serraħ ras il-Pulizija u lill-Maġistrat Inkweranti li jinsa fi stat tajjeb kif ħareġ ukoll mill-eżami tal-espert mediko legali Mario Scerri, li serraħ ras lill-investigaturi li ma kienx hemm għalfejn jiġi eżaminat b’mod ulterjuri.

L-Avukat Franco Debono ma qabilx ma din l-asserzjoni fejn ġie konfermat li sakemm tressaq il-Qorti ma rah l-ebda psikjatra. Ix-xhud qal li f’xi ħin ma talab l-ebda psikjatra għax qagħad fuq dak li qallu Dr. Mario Scerri. U fid-dawl tal-fatt li kien kalm il-ħin kollu. Xorta tħalla Pulizija l-ħin kollu miegħu.

Fuq mistoqsija tal-Qorti għal waqt l-interogazzjoni l-ħsieb tiegħu li jagħmel suwiċidju kien mar. Huwa kkonferma wkoll li waqt li kkommetta dan l-omiċidju kien hemm saħna tad-demm. Qalilhom li beda jħoss rimors għal Anthony mhux għal Dennis.

Dwar jekk is-sieħba tiegħu keċċittux l-barra jew le, qal li jaf li kien hemm argument bejniethom – mhux ċert. Tenna li ma kien hemm l-ebda rapport li kienet keċċietu l-barra. Ix-xhud qal li ma jafx jekk keċċitux. Ikkonferma li ġġieldu fuq xi neputija u li bdew jiġġieldu mal-ewwel tazza te li ħadu, wara li hu kien għamlilha t-te.

Ma jirriżultax li hi kienet aggressiva miegħu meta ġġieldu, l-argumenti kienu verbali. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Anthony Vella, assistit mill-Ispetturi Kurt Colombo Zahra, Wayne Camilleri u Cheyenne Mangion.

Huwa qed jiġi difiż mill-avukati Franco Debono, Adreana Zammit u Francesca Zarb. Il-familja ta’ Dennis Mifsud qed tkun rappreżentata bħala parte civile mill-avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri, filwaqt li l-familja ta’ Toni Agius qed tkun rappreżentata mill-avukati Mario Mifsud, Nicholas Mifsud u David Chetcuti Dimech. Il-kumpilazzjoni se tkompli fis-27 ta’ Novembru f’nofs-inhar.