Quddiem il-Maġistrat Abigail Critien tressaq Kamerunjan ta’ 32 sena, Edmon Buyoh Atah, li wieġeb ħati għall-akkużi ta’ ffalsifikar ta’ passaport u ta’ dikjarazzjonijiet foloz lill-awtoritajiet. Huwa kien mixli li matul l-aħħar sitt xhur ippreżenta dokumenti ffalsifikati u ta informazzjoni mhux korretta lill-awtoritajiet pubbliċi bil-għan li jikseb vantaġġi illegali.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Elton Buckingham sostniet li l-imputat għamel użu minn dokumenti ta’ identità foloz u ta’ informazzjoni falza lill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni, minkejja li kien jaf li dak li kien qed jiddikjara ma kienx veru. Il-proċeduri saru bl-Ingliż, u l-akkużat ma oġġezzjonax għall-arrest jew għall-mod kif seħħet il-proċedura kontrih.
Meta tressqu l-akkużi quddiem il-Qorti, Atah wieġeb ħati immedjatament. Il-Qorti spjegatlu li dan it-tip ta’ reat jista’ jwassal għal piena effettiva ta’ ħabs, iżda l-prosekuzzjoni innutat li dan forsi ma kienx il-każ xieraq, peress li l-akkużat esprima x-xewqa li jerġa’ lura lejn pajjiżu.
Id-difiża, immexxija mill-avukati Alex Scerri Herrera u Francesca Vella, argumentat kontra piena ta’ ħabs, billi enfasizzat li r-reat ma kien jinvolvi l-ebda vjolenza u li detenzjoni twila kienet tkun piż bla bżonn fuq l-Istat. Huma saħqu wkoll li l-akkużat ammetta mill-ewwel u wera kooperazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet.
Il-Maġistrat Critien iddeċidiet li tagħti s-sentenza għad-29 ta’ Ottubru li ġej.
//= $special ?>