In-numru ta’ rapporti ta’ vjolenza domestika rreġistrati mal-Pulizija, żdiedu mis-sena 2021 sas-sena li għaddiet – minn 1,741 fl-2021 għal 2,225 is-sena li għaddiet. Sa Settembru li għadda diġà kien hemm 1,638 każ rappurtat ta’ vjolenza domestika rreġistrat mal-Pulizija – żieda ta’ 484 każ f’erba’ snin.
Skont ċifri ta’ Eurostat, Malta għandha l-ogħla rata ta’ rapporti ta’ vjolenza domestika u vjolenza bbażata fuq il-ġeneru fl-UE. Id-data nħarġet fi stħarriġ imwettaq bejn l-2020 u l-2024 minn Eurostat, l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE).
Dan wara li l-Korp tal-Pulizija ħatar skwadra speċjalizzata, il-Gender based and domestic violence unit fl-2020, sabiex jagħti servizz aktar speċjalizzat lil vittmi ta’ vjolenza domestika. Il-Gender-Based and Domestic Violence hub li l-Korp tal-Pulizija għandu f’Santa Luċija hu l-ewwel hub tax-xorta tiegħu f’Malta li fetaħ il-bibien tiegħu fis-sena 2024.
Dwar ir-rapporti ta’ vjolenza domestika lill-Pulizija tkellem fil-Parlament Byron Camilleri, Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol; għal mstoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea. ll-Ministru Camilleri qal ukoll li filwaqt li bħalissa apparti dawk ta’ Santa Luċija, hemm timijiet minn din it-taqsima jaħdmu mid-depot tal-Pulizija fil-Floriana, fiż-żmien li ġej ser jinfetaħ hub ieħor fl-Imtarfa. Dan ix-xogħol huwa mistenni jitlesta sal-aħħar tas-sena u s-servizz jibda fil-bidu tas-sena d-dieħla. B’hekk is-servizz ikun offrut fi tliet postijiet madwar Malta, u post ieħor f’Għawdex.
Jirriżulta wkoll, li fl-aħħar ġimgħat beda jingħata wkoll servizz ta’ panic alarms.
Il-Ministru Camilleri wieġeb ukoll għal mistoqsija oħra tad-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea dwar liema huma t-tliet lokalitajiet li fihom saru l-aktar u lanqas rapporti ta’ vjolenza domestika fis-snin 2021, 2022, 2023, 2024 u 2025 sal-ġurnata tal-lum, maqsuma sena b’sena u jgħid ukoll kemm kienu r-rapporti fl-istess snin għal kull waħda minn dawn it-tliet lokalitajiet.
Il-Ministru Camilleri wieġeb li f’San Pawl il-Baħar il-każijiet żdiedu u fl-2021 kienu jammotaw għal 124; fl-2022 115; fl-2023 140; fl-2024 149 u sa Settembru ta’ din is-sena 122 – total ta’ 650.
Jirriżulta wkoll li f’Birkirkara kienu rappurtati total ta’ 446 każ ta’ vjolenza domestika; fl-2021 77 rapport; fl-2022 84; fl-2023 107; fl-2024 122 u din is-sena 56.
F’Ħal Qormi l-każijiet ta’ vjolenza domentika kienu jlaħħqu total ta’ 394 u fl-2021 saru 65 ; fl-2022 79; fl-2023 98; fl-2024 90 u matul, din is-sena sa Settembru kien hemm 62 każ rapppurtat.
Dawk it-tliet lokalitajiet li fihom saru l-inqas rapporti ta’ vjolenza domestika fis-snin 2021, 2022, 2023, 2024 u din is-sena sa Settembru kienu fil-Fontana f’Għawdex fejn fl-2022 u fl-2023 kien hemm każ kull sena; fl-Imdina fejn fl-2022 u fl-2024 kien hemm każ kull sena u fl-2023 tliet każi; u f’San Lawrenz f’Għawdex fejn kien hemm rappurtati każ fis-sena 2021, fl-2022, fl-2024 u każ ukoll din is-sena sa Settembru, u żewġ każi fl-2023.
//= $special ?>