Lokali

Ktieb ġdid minn Caritas Malta

Kitbiet ta’ persuni li għexu qribu – intervista esklussiva – esperjenzi u rakkont mill-komunità tal-ibraġ – ammont kbir ta’ ritratti li wħud minnhom qed jidhru għall-ewwel darba – sezzjoni ta’ kitbiet u ritratti mill-aħħar tislima tal-poplu fi Frar li għadda – riflessjonijiet fuq siltiet mill-evanġelju li qed ikunu pubblikati wkoll għall-ewwel darba

Nhar il-Ġimgħa tnieda l-ktieb ‘Inħobbkom’ li hu pubblikazzjoni ġdida tal-Caritas Malta b’tislima lil Monsinjur Victor Grech li kien pijunier distintiv fil-kamp tal-għajnuna lill-vulnerabbli u l-għajnuna lill-vittmi tal-vizzju tad-droga.
Testwalment din hi intervista mal-kollega Joe Cassar li hu wkoll l-Editur ta’ din il-pubblikazzjoni mill-aktar interessanti:

Ngħid tajjeb li l-idea ta’ dan il-ktieb nibtet mal-mewt ta’ Monsinjur Victor Grech?
Mhux eżatt. Għax l-idea fil-fatt kienet ilha ddur ġo moħħi ftit aktar minn sentejn. Hekk kif bdejt nosserva li saħħet il-Monsinjur Grech bdiet tmajna sew, issa li kien qabeż id-90 sena, bdejt naħseb f’pubblikazzjoni li tkun parti mill-wirt tiegħu għal min jibqa’ warajh. Ħsibt li ħadd ħliefu ma seta’ jipprovdi ċertu materjal, bħal xi ritratti li kien iżomm f’albums fl-uffiċċju tiegħu, xi kitbiet li kien jipprepara imma li qatt ma kienu raw id-dawl, xi intervista miegħu…
Ħsibt li nipproponilu l-idea u naraw kif jeħodha. Malli għedtlu bil-ħsieb tiegħi laqa’ l-idea bil-ferħ u wrieni mill-ewwel li kelli l-barka tiegħu u li kien se jikkopera miegħi f’kulma kelli bżonn.
Ikkomunikajt l-idea wkoll lid-direzzjoni ta’ Caritas Malta u d-direttur, is-Sur Anthony Gatt, ta l-approvazzjoni tiegħu wkoll. U hekk nibet il-ħsieb, imma bejn ħaġa u oħra, għadda ftit żmien mhux ħażin u qatt ma sibt il-ħin li nibda niġbor il-materjal għal din il-pubblikazzjoni. Ġara, imma, li l-ewwel darba li ltqajt ma’ Monsinjur Grech, anki jekk kienu għaddew ammont ta’ xhur mill-aħħar li ltqajna, malli rani semmieli l-ktieb u staqsieni jekk bdejtx naħdem fuqu. Kelli ngħidlu li għadni ma sibtx il-ħin u inkoraġġieni biex infittex nibda.

Jiġifieri l-Monsinjur xtaqu joħroġ dan il-ktieb?
Xtaqu b’qalbu kollha u f’kull okkażjoni li ltqajna dejjem baqa’ konsistentement isemmihuli. Fl-aħħar, bl-għajnuna tal-Caritas, irnexxieli niffissa appuntament għal intervista miegħu. Niftakar li mort preparat sew b’ammont ta’ mistoqsijiet id-dar tiegħu f’Tal-Ibraġ, imma ħriġt minn hemm diżappuntat u mdejjaq għax il-Monsinjur ma rajtux f’sikktu u ma kienx iffukat biżżejjed biex seta’ jwieġeb għall-mistoqsijiet li bdejt nagħmillu. Hu stess induna b’dan u beda jiskuża ruħu li qed ikun xott wisq fit-tweġibiet tiegħu għax ma setax jiftakar u l-kliem ma bediex ilissnu faċilment. Qtajt fil-qasir biex ma nimbarazzahx, sellimtlu u ħriġt.
Hemmhekk, sforz id-diżappunt li kelli, ix-xogħol waqaf qabel beda. Biss, xi ftit ġimgħat wara, kellmitni Geraldine Gatt, l-assistenta personali tad-direttur ta’ Caritas Malta, u qaltli li l-Monsinjur bħalissa kien jinsab luċidu u jixtieq jerġa’ jarani għall-intervista. Erġajt mort għandu u din id-darba kien ferm differenti mill-ewwel darba li mort, u l-intervista – li rriżultat fil-fatt fl-aħħar waħda li ta lil xi ħadd mill-midja lokali – għamilnieha u kont sodisfatt ħafna biha. Dan kien fl-2023, u sal-lum din l-intervista ma dehret imkien u żammejtha apposta għal dan il-ktieb.

X’ġara wara din l-intervista?
L-intervista żammejtha b’għożża, imma minħabba kwistjoni ta’ ħin, domt biex komplejt naħdem fuq il-ktieb. Imma l-Monsinjur baqa’ jfakkarni fil-ktieb kull meta kien jarani.
Wasal Frar ta’ din is-sena u smajt li Monsinjur Grech kien rikoverat l-Isptar Mater Dei u ma kienx tajjeb. Kelli xewqa kbira li mmur narah. Fit-3 ta’ Frar sibt il-ħin u flimkien ma’ marti Marica morna nżuruh fis-sala fejn kien għall-kura. Miegħu kien hemm Geraldine, li malli dħalna qaltilna mill-ewwel li mhux se jkellimna għax ilu ħafna rieqed u mhuwiex f’kundizzjoni tajba. Bqajna b’ħarsitna ffissata fuqu nistennew li forsi jqum, imma kien għalxejn, u konna se noħorġu rassenjati.
Imma hekk kif konna se nitilqu minn ħdejh, narawh ibexxaq għajnejh, u hekk kif rana l-ewwel feraħ b’Marica u mbagħad ħares lejja u bi tbatija għolla jdejh u qalli dal-kliem: “Joe, il-ktieb miexi, miexi? Se noħorġuh il-ktieb?” U jien weġibtu: “Iva, Monsinjur, noħorġuh il-ktieb tinkwetax, serraħ rasek.” Tbissem, niżżel idejh, għalaq għajnejh u reġa’ raqad.
Kif ħriġna mis-sala għedt bejni u bejn ruħi, issa l-ktieb imwiegħed lilu u jrid joħroġ żgur. U malli wasalt id-dar bdejt mill-ewwel nikkuntattja nies li naf li kienu qribu ħafna biex jiktbuli l-esperjenzi u t-testimonjanzi tagħhom fil-konfront ta’ Dun Victor, kif ħafna baqgħu jsibuh.
Jumejn biss wara, waslet l-aħbar tal-mewt tal-Monsinjur. Kif stajt issa nċaħħdu mix-xewqa tiegħu! Minn dakinhar ma waqaftx. Ġrejt wara ħafna nies, fittixt u tlabt ritratti, akkwistajt ħafna riflessjonijiet tiegħu li ma kienu dehru qatt imkien u ttajpjajthom kollha, editjajt u kkoreġejt l-artikli li bdew jasluli, u l-proġett beda miexi sew. Kont impressjonat kif kull min avviċinajt biex jikteb dwaru aċċetta bil-ferħ l-istedina, forsi b’eċċezzjoni waħda jew tnejn, u kont impressjonat iktar meta bdejt naqra kemm kien maħbub il-Monsinjur, kemm għamel ġid ma’ nies aktar milli qatt kont naħseb. L-aktar aġġettiv komuni dwaru kien dak ta’ ‘qaddis’. Bniedem li f’ħajtu m’għamilx ħlief ħabb u għen lil kull min ġie quddiemu għall-għajnuna. Ma dawwar wiċċu qatt quddiem il-batut u l-vulnerabbli. F’qalbu kellu biss imħabba. Kull kitba f’dan il-ktieb hija xhieda ta’ dan li qed ngħid.

X’laqtek l-aktar fl-intervista li għamiltlu?
Qalli ħafna kliem sabiħ. Xi ħaġa li baqgħet f’moħħi kienet meta staqsejtu jekk fin-nuqqas ta’ vokazzjonijiet wasalx iż-żmien li l-Knisja tibda d-diskussjoni dwar il-possibbiltà ta’ saċerdoti miżżewġin fi ħdanha. Weġibni li filwaqt li ċ-ċelibat huwa ġawhra prezzjuża, qed joqrob iż-żmien li l-Knisja tkun aktar inklussiva, jiġifieri li s-saċerdot ikun jista’ jiżżewweġ u jibni familja, bħal fir-Rit Orjentali. Dwar in-nuqqas ta’ vokazzjonijiet qal li l-Mulej għadu jsejjaħ bħal qabel. Imma jista’ jkun li aħna qegħdin ħafna drabi noħonquha s-sejħa tiegħu. “Jekk ma tismax lil xi ħadd isejjaħlek, kif tista’ twieġbu u tilqa’ s-sejħa tiegħu?”

X’kien ifisser għalik Monsinjur Victor Grech? Għaliex ħassejt li kellek tidħol għal dan ix-xogħol?
Lil Dun Victor ili nsegwih mill-famużi eżerċizzi ta’ żmien ir-Randan li kien jagħmel fis-sala kbira tal-Mużew fil-Blata l-Bajda, meta ż-żgħażagħ kienu jiġu għalihom bħal nemel minn kull parti ta’ Malta u meta kien jitfaċċa hu kien jaqa’ skiet perfett u jekk taqa’ labra kont tismagħha. Bla ma jaf miegħi għamel ħafna ġid permezz ta’ dawk il-prietki sbieħ, u permezz ta’ dan il-ktieb li tant xtaq hu, xtaqt nagħtih xi ħaġa lura, anki jekk wara mewtu.
Xtaqt ukoll li din il-pubblikazzjoni ttaffi farka mill-ispejjeż kbar li għandha l-Caritas f’Malta biex toffri tant servizzi bla ħlas – minkejja li huma servizzi professjonali – lin-nies fil-bżonn fis-soċjetà tagħna, li mhumiex biss – kif hawn min jaħseb – dawk dipendenti mid-drogi u sustanzi oħra. Nirringrazzja f’dan is-sens lil kull min għen biex l-ispejjeż tal-produzzjoni setgħu jinfdew sal-aħħar ċenteżmu biex id-dħul minn kull donazzjoni għal dan il-ktieb imur kollu favur dawn is-servizzi li toffri Caritas Malta.
Grazzi speċjali lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb li koprew parti sostanzjali minn din l-ispiża. Imbagħad kien hemm qlub oħra ġenerużi li taw is-sehem tagħhom ukoll.

X’jinkludi aktar dan il-ktieb, u għaliex l-isem ‘Inħobbkom’?
L-ewwel nett it-titlu tal-ktieb kien kważi kważi awtomatiku. L-aktar kelma li kienet toħroġ minn qalb Dun Victor quddiem ir-residenti ta’ San Blas u persuni oħra li jkollu quddiemu kienet proprju din: “Inħobbkom, inħobbkom ħafna.” Ma lħaqtx semmejthielu l-idea tal-isem meta kien għadu magħna, imma konvint li kien ikun kuntent ħafna bih dan l-isem.
Il-ktieb hu mqassam f’sezzjonijiet differenti u b’kollox fih 350 paġna. L-itwal sezzjoni hi dik b’kitbiet ta’ persuni li għexu ħafna qrib tiegħu, fosthom staff tal-Caritas, voluntieri li ħadmu miegħu fil-bidu tal-Caritas u wħud minnhom għadhom jagħtu sehemhom sal-lum, u residenti u eks residenti ta’ programmi ta’ riabilitazzjoni, li ħafna minnhom jafu lilu l-fejqan tagħhom. L-imħabba tagħhom lejh esprimewha bl-aktar mod ċar f’kull kitba tagħhom.
Imbagħad hemm l-intervista esklussiva li tkellimna dwarha. Hemm sezzjoni oħra b’kitbiet din id-darba ta’ persuni li tant kienu u għadhom iħobbuh fil-parroċċa Tal-Ibraġ, fejn kien iqaddes u għex il-Monsinjur fl-aħħar snin ta’ ħajtu.
Jinkludi wkoll sezzjoni ta’ aktar minn 60 paġna b’ritratti minn ħajtu, mit-twelid sal-mewt tiegħu, uħud minnhom li qatt ma dehru qabel. U finalment sezzjoni li tfakkar fil-funeral kbir organizzat mill-Istat b’kollaborazzjoni mal-Kurja tal-Arċisqof u mad-direzzjoni ta’ Caritas Malta fi Frar li għadda.
Ma rridx ninsa wkoll sezzjoni ta’ siltiet mill-Evanġelju b’riflessjonijiet qosra imma mimlija għerf u mħabba minn Monsinjur Grech li kienu ttajpjati imma qatt ma kienu ġew pubblikati qabel. Dawn ipprovdewhomli mis-segreterija tal-Caritas, li nixtieq nirringrazzjahom minn hawnhekk għall-kollaborazzjoni kontinwa li sibt mingħandhom matul ix-xhur kollha li ħdimt fuq din il-pubblikazzjoni.
Id-Daħla għall-ktieb hija tal-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna.

Kif jista’ jkun akkwistat dan il-ktieb?
L-aħjar mod hu li wieħed jidħol fis-sit ta’ Caritas Malta www.caritasmalta.org/inhobbkom u jimla l-formola biex jibbukkja l-kopja tiegħu. Diġà kien hemm numru kbir li bbukkjaw il-kopja tagħhom u nħeġġeġ oħrajn biex ma jdumux wisq biex jagħmlu bħalhom għax meta jispiċċaw il-kopji mhux se jkun possibbli li jerġa’ jkun stampat u l-ktieb mhux se jkun għall-bejgħ lanqas mill-ħwienet tal-kotba.

Din l-intervista ma’ Joe Cassar, l-Editur tal-ktieb Inħobbkom, dehret f’Il-Mument tal-Ħadd 19 ta’ Otttubru, 2025.