Local Lokali Qorti

Kumpens ta’ €9,000 fuq inċident b’karozza fejn weġġa’ sewwieq f’Birkirkara fl-2016… nofs it-tort tal-Kunsill Lokali mmexxi mill-PL

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Viktor G. Axiak, ordnat lill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara u lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex iħallsu kumpens ta’ kważi €9,000 fuq inċident li seħħ disa’ snin ilu meta l- Kunsill kien immexxi mill-Partit Laburista, u fejn raġel kien weġġa’ u għamel ħsara fil-karozza tiegħu minħabba nuqqas ta’ manutenzjoni fit-triq.

Il-kawża kienet saret fl-2016 mill-kumpanija Atlas Insurance PCC Limited, li kienet taġixxi għad-drittijiet tal-klijent tagħha Mark Anthony Camilleri, kif ukoll mill-istess Camilleri, kontra l-Kunsill Lokali Birkirkara u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Il-kawża kienet tirrigwarda inċident li seħħ fis-7 ta’ Ottubru 2016 fi Sqaq il-Għoġla, Birkirkara, li matulu vettura assigurata minn Atlas Insurance ġarrbet ħsarat wara li kienet marret f’parti mit-triq li kienet f’kundizzjoni ħażina minħabba nuqqas ta’ manutenzjoni u xogħlijiet li ma sarux kif suppost.

Il-Qorti qieset li kemm il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kif ukoll il-Kunsill Lokali Birkirkara kellhom obbligu legali li jżommu l-infrastruttura taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom f’kundizzjoni tajba u sikura, iżda naqsu milli jagħmlu dan.

Il-każ kien li dakinhar Camilleri kien isuq Alfa Romeo Mi-To ħamra, u kien involut f’inċident waranofsinhar. Kien qiegħed isuq f’’side road’ hekk kif taqbeż il-bypass ta’ Birkirkara u kien riesaq lejn Stop sign. Xi 25 il- metru qabel dan is-sinjal kien hemm għaddejjin xi xogħolijiet fit-triq.

Spjega li bħala parti mix-xogħlijiet kienu neħħew sezzjoni ta’ tarmak mit-triq u li biex il-vettura setgħet timxi ’l quddiem kellha tinżel f’tali sezzjoni li kienet xi nofs pied ‘l isfel mis-sezzjoni tat-triq li kienet bit-tarmak.

Hekk kif niżel sab tappira li kienet għadha esposta li ħakket mal-‘crash sensors’. B’riżultat ta’ hekk is-sitt airbags tal-vettura ħarġu fl-istess ħin. Qal li hekk kif niżel f’tali sezzjoni u ħarġu l-airbags dawn immobilizzaw kompletament il-magna u l-‘isteering wheel’ filwaqt li s-‘seatbelt’ issikka ruħu sew u l-kabina tal-karozza mtliet bid-duħħan.

Xħin induna b’li ġara ġibed il-‘handbrake’ biex iwaqqaf il-karozza milli tirrombla bil-mod u pprova joħroġ. Wara l-inċident xi nies li kienu f’bini fil-viċin marru jagħtuh l-għajnuna. Għalkemm ried imur l-għassa jagħmel rapport kien ingħata parir imur l-isptar l-ewwel.

Hemmhekk qalulu li kellu tbenġil u ħruq ma’ riġlejh u dirgħajh. Spjega li mar l-Għassa tal-Gżira u li ħa numru ta’ ritratti tal-inċident minnufih wara li seħħ l-inċident. Wara li telaq mill-Għassa ċempel lill-‘insurance’ biex jiftaħ claim bħala l-persuna li kien qiegħed isuq il-vettura.

Tal-kumpanija tal-assikurazzjoni ħadu l-vettura għat-tiswijja liema tiswijiet kienu jiswew mhux ħażin. Mistoqsi dwar xi sinjali li kien hemm fit-triq irrisponda li ma kien hemm l-ebda sinjal, u li kien induna li kienu qegħdin isiru xi xogħlijiet fit-triq minħabba li ma kienx hemm tarmak f’sezzjoni tat-triq.

Mistoqsi dwar xi sinjali li kien hemm fit-triq irrisponda li ma kien hemm l-ebda sinjal, u li kien induna li kienu qegħdin isiru xi xogħolijiet fit-triq minħabba li ma kienx hemm tarmak f’sezzjoni tat-triq. Sean Camilleri xehed in kontro-eżami fejn qal li l-inċident seħħ matul il-ġurnata u għalhekk ma kienitx kwistjoni ta’ nuqqas ta’ dawl.

Mistoqsi jekk kienx hemm xogħolijiet li kienu qegħdin isiru fil-parti tal-bidu ta’ Sqaq il-Għoġla rrisponda li ma kienx hemm. Qal li xi 25 il-metru qabel l-istop sign kienu qed isiru xi xogħlijiet fit-triq u sezzjoni ta’ tarmak kienet nieqsa. Mistoqsi jekk kienx hemm xogħlijiet li kienu qegħdin isiru wara l-vettura rrisponda li ma kienx hemm.

Dwar x’veloċità kien għaddej biha meta kien qed javviċina l-istop sign irrisponda li kien riesaq bil-mod ħafna peress li quddiem l-istop sign kien hemm ħajt u kien ser ikollu idur disgħin grad. Apparti hekk, huwa kien induna li kien hemm ix-xogħlijiet għaddejjin u allura kellu jnaqqas il-veloċità biex imur fis -sezzjoni l-ġdida tat-triq li kienet mingħajr tarmak.

Meta ġie mistoqsi dwar jekk kellux ċans inaqqas il-veloċità qabel daħal għas-sezzjoni bit-tarmak wieġeb li ma tantx kellu ċans jagħmel hekk però hu xorta kien għaddej b’veloċità baxxa, xi 15-il kilometru fis-siegħa.

Huwa ma qabilx mas-suġġeriment illi l-kawża tal-inċident kien id-diżlivell bejn it-triq li kienet asfaltata bit-tarmak u dik li ma kenetx u qal li l-vettura sofriet ħsara minħabba tappiera li kienet tħalliet esposta mill-kuntrattur.

Mistoqsi jekk it-tappiera laqtitx il-parti ta’ taħt tal-vettura rrisponda li hu jaħseb li laqtet sezzjoni tal-vettura li tikkontrolla l-airbags. Għall-mistoqsija ta’ jekk kienx sema’ ħoss ta’ tappiera tmiss il-parti ta’ taħt tal-vettura huwa qal illi li l-ħoss li sema’ kien ħoss qawwi tal-airbags jiġu deployed.

Dwar x’kien l-għoli tat-tarmak u ċioè d-differenza bejn il-parti li kienet miksija bit-tarmak u l-parti li ma kenetx huwa qal li ma setax jiftakar imma li huwa żgur hu li kellu jinżel għall-parti tat-triq bla tarmak. Ir-roti ta’ wara baqgħu fuq dik il-parti tat-triq li kellha t-tarmak.

Dan in-nuqqas wassal biex isseħħ ħsara kemm lill-vettura tal-assigurat kif ukoll lilu personalment. Wara li eżaminat ix-xhieda u d-dokumenti kollha ppreżentati, il-Qorti kkonkludiet li ż-żewġ entitajiet pubbliċi kienu responsabbli b’mod ugwali għad-danni li seħħew u għalhekk għandhom iħallsu kumpens lill-partijiet rikorrenti.

Il-Qorti ċaħdet l-eċċezzjonijiet kollha mqajma mill-Kunsill Lokali u mill-Korporazzjoni, billi qieset li dawn ma kinux sostenibbli u ma ħallewx effett fuq ir-responsabbiltà tagħhom skont il-liġi. Hija ddeċidiet li ż-żewġ entitajiet naqsu mid-dmirijiet tagħhom u għalhekk huma obbligati jħallsu lill-Atlas Insurance l-ammont totali ta’ €8,743.74 bħala danni għall-ħsara fil-vettura, kif ukoll €200 bħala kumpens personali lil Mark Anthony Camilleri.

L-ammont għandu jitħallas b’mod ugwali bejn iż-żewġ intimati, jiġifieri €4,371.87 kull wieħed lill-kumpanija assiguratriċi u €100 kull wieħed lir-rikorrent. Barra minn hekk, il-Qorti ordnat li fuq dawn l-ammonti jitħallsu l-imgħaxijiet legali mid-data ta’ Lulju 2018.

Fir-rigward tal-ispejjeż tal-kawża, il-Qorti ddeċidiet li dawn għandhom jitqassmu proporzjonalment: dawk relatati mas-sentenza parzjali tat-8 ta’ April 2024 u mas-sejħa tal-kjamata għandhom jitħallsu mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, dawk marbuta mad-digriet tas-17 ta’ Mejju 2021 għandhom jitħallsu mill-Kunsill Lokali Birkirkara, filwaqt li l-bqija tal-ispejjeż għandhom jitħallsu nofs bin-nofs bejn iż-żewġ entitajiet.

Il-Qorti enfasizzat li kemm il-Kunsill Lokali kif ukoll il-Korporazzjoni għandhom dmir konġunt li jżommu t-toroq u l-infrastruttura pubblika f’kundizzjoni sikura għal dawk li jużawhom. In-nuqqas ta’ koordinazzjoni u azzjoni effettiva min-naħa tagħhom wassal għal ħsarat evitabbli li ma kellhomx iseħħu.