Aktar kmieni llum, il-President tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC) Darren Carabott irċieva l-konferma mingħand l-Awditur Ġenerali li t-talba għall-ftuħ ta’ investigazzjoni dwar allegazzjonijiet ta’ abbuż fl-għoti ta’ permessi ta’ residenza u karti ta’ identità lill-persuni barranin ġiet milqugħa.
Dan ifisser li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) issa fetaħ investigazzjoni fuq dan l-iskandlu li jinvolvi lill-aġenzija Identità, Jobsplus u l-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà.
L-ittra bit-termini ta’ referenza maħruġa mill-uffiċċju tal-Awditur issegwi l-pass li ħadu t-tliet deputati tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista fil-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi fil-Parlament f’Awwissu tal-2024. Dak iż-żmien il-Partit Nazzjonalista kien rappreżentat fil-PAC minn Darren Carabott bħala President tal-Kumitat u d-Deputati Graham Bencini u Claudette Buttigieg.
It-talba tad-Deputati tal-PN kienet saret wara li numru kbir ta’ persuni lmentaw u għamlu allegazzjonijiet serji ta’ frodi u tmexxija ħażina tal-aġenzija Identità. Dan wara li kienu rċivew posta bl-indirizz indikat juri l-indirizz tar-residenza jew proprjetajiet tagħhom, iżda l-persuna indirizzata b’isimha f’dik il-posta qatt ma kienet residenti f’dak l-indirizz.
Dan minbarra allegazzjonijiet serji ta’ persuni barranin li għamlu użu minn riżorsi tal-poplu Malti, bħal appuntamenti fl-isptar, u gawdew minn benefiċċji soċjali, meta għandhom dettalji personali foloz fuq id-dokumentazzjoni tal-identità jew residenza tagħhom.
Grazzi għat-talba tal-PN, fost id-diversi termini ta’ referenza, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika se jkun qed jinvestiga:
· Jekk sarux studji biex jiġu determinati l-benefiċċji nazzjonali li jirriżultaw mill-permessi ta’ xogħol u ta’ residenza maħruġa;
· Jekk l-aġenziji u l-Ministeru tal-Gvern ħadmux b’mod ġust, bid-diliġenza dovuta, skont il-prinċipji ta’ governanza tajba, b’mod koerenti u f’konformità mal-proċeduri stabbiliti meta pproċessaw applikazzjonijiet għall-permessi ta’ residenza għal persuni li mhumiex ċittadini Maltin;
· Jekk ħbewx jew ipprovdewx informazzjoni qarrieqa dwar din is-sitwazzjoni;
· Jekk seħħx xi użu irregolari ta’ riżorsi pubbliċi bħas-servizz tas-saħħa u s-sigurtà soċjali, minħabba nuqqasijiet fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-permessi ta’ xogħol u residenza.
Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ d-deċiżjoni tal-Awditur li jinvestiga dan il-proċess u qed jistenna b’ħerqa li toħroġ il-verità f’dan l-iskandlu li jinvolvi l-ħruġ tal-karti tal-identità u l-permessi ta’ residenza. Saga li kienet faqqgħet snin qabel wara li kien instab li nħarġu eluf ta’ karti tal-identità foloz lil persuni barranin.
//= $special ?>