Internazzjonali

L-Ukrajna: Putin għadu determinat biex ikompli bil-konflitt

L-Ukrajna:

Il-gwerra fl-Ukrajna daħlet fl-1,337 jum tagħha u s’issa, għad mhemm l-ebda indikazzjoni li l-President Russu, Vladimir Putin, qed jaħseb biex iwaqqaf il-bumbardamenti bil-missili u d-drones fuq l-ibliet u z-zoni ffullati biċ-ċivili Ukreni.

Ftit huma l-osservaturi li jemmnu li Putin se jaqbel biex jibdel din id-direzzjoni — aktar minn tlett snin wara li l-qawwiet tiegħu invadew l-artijiet tal-Ukrajna fi Frar tal-2022.

Dan ukoll minkejja l-pressjoni kontinwa min-naħa tal-Istati Uniti li qed tesiġi għal waqfien mill-ġlied (fl-Ukrajna) simili għal dak li ntlaħaq f’Gaza ftit tal-jiem ilu.

Fl-aħħar sigħat, il-President Amerikan qal li se jagħmel kulma jista’ biex jipperswadi lil Putin ħalli ma jkomplix l-attakki fuq iċ-ċivili Ukreni.

Dan meta għaddejjin it-tħejjijiet għal summit ieħor bejn Trump u Putin li din id-darba għandu jsir f’Budapest, il-kapitali tal-Ungerija…Pajjiż fejn il-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru, Viktor Orban, għandu s-simpatiji ċari mal-Kremlin minkejja li hu membru tal-Unjoni Ewropea.

Min-naħa tiegħu, il-President Trump għadu jemmen li ‘ jinsabu fit-triq biex jintlaħaq ftehim’ – għalkemm, fl-istess ħin, qed iwissi li ‘jekk ma jaslux, ħafna persuni innoċenti se jispiċċaw iħallsu prezz mill-aktar qares’.

Fl-aħħar sigħat ukoll, żdiedu l-indikazzjonijiet li l-Bulgarija, ‘il quddiem, għandha tagħti aċċess lil Vladimir Putin biex jgħaddi mill-ispazju tal-ajru tagħha. Dan dejjem bil-għan li jkun possibbli għall-President Russu biex iżomm l-appuntament ma’ Trump f’Budapest.