Lokali Qorti

Mhux ħati fuq ħsejjes eċċessivi u fastidju

Joseph Portelli, residenti San Ġwann, ma nstabx ħati ta’ fastidju u storbju minn ħanut f’San Ġwann. Portelli kien akkużat bi ħsejjes eċċessivi, ksur tal-mistrieħ tan-nies, u fastidju lejn żewġ persuni — Omar Akl u Chanelle Agius — b’rabta mal-ħanut Well Done Confectionery fi Triq Santa Venera Margherita.

Il-Qorti qabel xejn eżaminat jekk l-imputat kienx ġie notifikat fil-perjodu preskrittiv ta’ tliet xhur, kif jirrikjedi l-Artikolu 688(f) tal-Kodiċi Kriminali, peress li din hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku. Il-maġistrat innutat li l-akkużi kienu seħħew fit-3 ta’ Jannar 2024, iżda Portelli kien ġie notifikat bil-kapijiet tal-akkuża fl-10 ta’ April 2024, jiġifieri wara li kien għadda l-perjodu ta’ tliet xhur.

Għalhekk, il-Qorti kkonkludiet li l-ewwel tliet akkużi — li jikkonċernaw ħsejjes, amplifikaturi, u ksur tal-mistrieħ — kienu preskritti, u għalhekk ma setgħux jiġu kkunsidrati. Fuq ir-raba’ akkuża (fastidju taħt l-Artikolu 251A tal-Kodiċi Kriminali), il-maġistrat analizzat il-provi u l-prinċipji ġuridiċi relatati.

Id-difiża argumentat li ma kien hemm ebda prova li torbot lil Portelli direttament mal-ġestjoni tal-ħanut. Madankollu, il-Qorti nnotat li l-permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar kollha kienu maħruġa f’ismu, u li hu stess kien preżenti waqt spezzjonijiet ordnati mill-Qorti, li saru mill-perit Mario Cassar. Ir-rapport tiegħu kkonferma li kien hemm storbju eċċessiv li jaqbeż il-livelli permessi mil-liġi.

Il-Qorti mbagħad analizzat x’jikkostitwixxi fastidju kriminali u rriferiet għal ġurisprudenza Maltija u Ingliża. Il-Qorti spjegat li l-fastidju jitlob intenzjoni speċifika u ripetizzjoni ta’ mġiba maħsuba biex tivvessa persuna partikolari, mhux sempliċi inkonvenjent jew storbju ġenerali.

Wara li eżaminat ix-xhieda kollha, il-Qorti sabet li ma kien hemm ebda prova li l-imputat kellu l-intenzjoni li jivvessa jew idejjaq lil xi ħadd b’mod personali jew intenzjonat. Għaldaqstant, l-imputat ġie liberat minn kull ħtija u piena.

Il-maġistrat ordnat ukoll li kopja tas-sentenza tintbagħat lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni kif ukoll lill-Avukat Ġenerali, minħabba l-kwistjoni legali importanti dwar it-terminu preskrittiv applikabbli għall-kontravvenzjonijiet taħt il-Kapitolu 10.