Internazzjonali

Nicolas Sarkozy beda jiskonta l-piena ta’ ħames snin fil-ħabs La Sante’ f’Pariġi

Nicolas Sarkozy illum beda l-piena ta’ ħames snin ħabs wara li kien instab ħati ta’ kospirazzjoni kriminali fuq finanzjament ta’ fondi għall-kampanja elettorali tiegħu, mingħand id-dittatur Muammar Gaddafi.

Sarkozy huwa l-ewwel Eks President fl-istorja Franċiża u fl-Unjoni Ewropea li qatt weħel il-ħabs.

Sarkozy kien akkumpanjat lejn il-ħabs minn martu Carla Bruni-Sarkozy hekk kif telaq mid-dar biex jidħol f’La Sante’, li jinstab fiċ-ċentru ta’ Pariġi.

Fil- 25 ta’ Settembru ta’ din is-sena, maġistrat f’Pariġi, tenna li Sarkozy għandu jibda jservi l-piena tiegħu mingħajr dewmien, qabel id-deċiżjoni tal-appell, “minħabba l-gravità li din l-offiża kkawżat lill-ordni pubbliku fi Franza”.

L-aħħar kliem ta’ Sarkozy qabel ma daħal il-ħabs kienu, “Qegħdin jarrestaw innoċenti. Il-verità għad toħroġ”. L-imħabba tiegħu ma’ Carla Bruni hija l-blata tiegħu, filwaqt li t-tifla tiegħu Julia, li kellu ma’ Carla Bruni, dejjem baqgħet tiddifendih fuq il-pjattformi soċjali.