Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma
Kostituzzjonali, l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali
Hemm f’ħafna s-sorpriża tal-ħajja. Fejn tistenna difiża ma ssibx u fejn ma taħsibx issib. Dawn is-snin twal fl-Oppożizzjoni kienu u għadhom f’dan parti minn dan il-proċess ta’ tagħlim. Dawk li tippretendi minnhom ma ssibx fihom u dawk il-kontra ssib. Ħafna aktar meta aħna niġġudikaw il-bnedmin ħutna minn dak li jidhru esternament. Ħafna drabi żbaljatament skont xi jkunu liebsa u skont x’bagalja ta’ ġid materjali jġorru magħhom. Inkella aktar ukoll fil-kamp politiku skont x’jidhru li qed jgħidu qishom jifhmu f’dak li qed jitkellmu meta ma jkunux. Hija verament l-era akbar tad-dehra imma din mhix neċessarjament t-triq tas-sewwa. Biex tifhem l-bniedem trid tqegħdu għall-prova jew aħjar tarah fiha. Minn barra ħafna imma minn ġewwa le.
Preġudizzji
Aktar u aktar meta aħna bħala bnedmin inbatu mill-kurrenti tas-simpatiji u antipatiji fl-oħrajn. Meta ma għandniex u anzi l-ħajja turina kemm inkunu żbaljati fuq dan. Kemm għandna nisimgħu lil kull persuna u ma niġġudikawx salv jekk kliemha humiex veri jew le, awtentiċi jew foloz. Fit-triq, fil-ħajja ħlief lezzjonijiet bħal dawn ma neħdux għal dawk li jridu jfittxu l-verità.
Għal dawk li jaqbdu t-triq tal-umiltà biex ma jidħqux bihom infushom imma jfittxu aktar dak li hu u dak li mhuwiex. Dan tmissu fil-bniedem li huwa ktieb miexi u wkoll fil-kotba infushom. Meta tara qoxra ta’ ktieb u tiġġudikah minn dak li tara aktar minn dak li taf ser taqra fil-paġni ta’ ġewwa.
F’Milan
Ftit ġimgħat ilu kont hemm. Belt interessanti u organizzata mimlija b’wirt storiku uniku. Ma’ kull kantuniera tiftakar f’dawk li għaddew minn ġewwa fiha. Tħoss polz ta’ attività umana unika ġejja fil-ġenerazzjonijiet. Dħalt għax ridt nara jekk kotba li kont imħajjar nixtri kenux dak li kont qed nistenna minnhom. Fost dawn sibt wieħed partikolari li għadu kif ħareġ. Frisk frisk fuq quddiem bniedem li nassoċjaw mad-divertiment, maċ-ċajt u mal-pellikola. It-titlu laqatni għalkemm nammetti li ma kontx verament ċert minn dak li kont qiegħed nixtri, huwa “Il Sogno” (Il-Ħolma). L-awtur prinċipali Roberto Benigni (1952) li llum qabeż is-sebgħin u f’dawn is-snin fetaħ faċċata ġdida aktar serja biex iwassal messaġġi diretti.
L’Europa s’e’ desta!..
Fil-fatt ħsibt li ser insib ġabra ta’ pagni li fihom insib kritika varja kontra l-Unjoni Ewropea. Ġbid tas-saqajn kif jaf jagħmel hu biex iwassal il-messaġġi tiegħu. Imma minflok sibt wieħed li fih jiddefendi sew lil dak kollu li seħħ tul dawn l-aħħar tmenin sena. Mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija bil-persunaġġi varji li missejna magħhom u li għamlu differenza kbira. L-awtur jibda hekk fuq dak li kiteb: “Non potete sapere la bellezza di questo libro. E’ talmente bello che mi dispiace averlo scritto. Vorrei averlo letto. Perche’ questo libro e’ proprio bello da leggere. E’ una sodisfazione.” (Ma tistgħux tkunu tafu s-sabiħ ta’ dan il-ktieb. Huwa tant sabiħ li qed jiddispjaċini li kitbu. Kont nippreferi li qrajtu. Għax dan il-ktieb huwa verament sabiħ biex taqrah. Huwa sodisfazzjon għalija.)
Estremista
Jiddifendi l-kunċett b’passjoni imma b’attenzjoni. Hekk fil-fatt jiddeskrivi lilu nnifsu. Jgħid hekk: “sono un Europeista estremista. Io sono innamorato dell’Europa: per me l’Europa unita e’ l’unico sogno, l’unica utopia ragonevole che noi Europei abbiamo coniato.” (jien Ewropew estremista. Jien inħobb din l-Ewropa; għalija din l-Ewropa magħquda hija l-unika ħolma, l-unika utopija raġonevoli li aħna l-ewropej ffurmajna.) F’dan għalhekk Benigni jispjega għala jagħmel sens li jkolna Unjoni Ewropea. Jispjega wkoll id-diversi bnedmin li fis-sekli kellhom quddiemhom dan il-kunċett, li ħolmu dwaru u li fl-aħħar wasalna għalih. Iġib f’kitbietu lil Giuseppe Garibaldi (1807-1882) u dawk li kienu responsabbli tal-Manifest ta’ Ventotene Rossi Ernesto (1897-1967), Spinelli Arturo (1907-1986) u Colorni Eugenio (1909-1944) u diversi oħrajn.
Spjega
Fil-kliem sempliċi u diretti tiegħu jirnexxielu jifhem il-proċess sħiħ b’mod li kull persuna tifhem kif wasalna. B’ħafna dettalji sbieħ u personali li jagħtu ħajja qawwija lil dak kollu li għaddejna minnu. Jikteb b’mod interessanti u b’serjetà qawwija li ma tneħħilniex mill-interess fuq is-suġġett. Idaħħal ukoll fin-nofs dak li seħħ fl-Istati Uniti tal-Amerika u jqabbel. Kif tant stati ngħaqdu sabiex ikunu aktar organizzati daqshekk ieħor jagħmel sens li nkunu f’daqqa. Min irid il-ġid lill-kontinent Ewropew ma għandux alternattiva vera salv din l-għaqda li trid timxi imma wkoll tifhem il-bilanċi interni tagħha. Kull min jaqrah fil-fatt iżomm ruħu ffukat bil-preċiżjoni loġika tiegħu.
Dokument veru
Kieku kellna dan il-ktieb f’idejna tul il-kampanja għar-Referendum tal-Unjoni Ewropea l-ħajja kienet tkun ferm aħjar. Fih l-awtur mħux biss jiddefendi l-kunċett imma wkoll il-konsegwenzi naturali tagħha. Huwa jikteb hekk fuq dan li hemm min ma jridx dan: “Vogliono dividerci, hanno paura di noi.” (Iridu jifirduna għax jibżgħu minnha.) Ikompli jiddefendi hekk: “Perche’ l’Europa e’ l’unico luogo al mondo che riesce a far convivere la democrazia con il mercato e con il welfare, lo Stato sociale, che e’ la sola, era difesa dei piu’ deboli.” (Għax l-Europa hija l-uniku post fid-dinja li jirnexxilha jkollha f’daqqa d-demokrazija mas-suq u l-istat socjali, dak li huwa verament id-difiża ta’ dawk l-iktar dgħajfa). Kif ukoll jiddikjara “Perche’ l’Europa incarna gli ideali piu’ alti dell’umanita; giustizia, uguaglianza, liberta’, democrazia, pace. E per questo ci temono, e non solo ci temono, ci invidiano; non ci sopportano proprio, uniti.” (Għax l-Europa tagħti ħajja lill-ideali l-iktar għolja tal-umanità, il-ġustizzja, l-ugwaljanza, il-libertà, id-demokrazija u l-paċi. Għalhekk jibżgħu minna, jgħiru għalina, imma ma jifilħuniex magħquda.)
Inkomplu
F’dan u tul dan il-ktieb ftit issib li ma taqbilx miegħu. Huwa fil-fatt kontra l-veto li kull pajjiż għandu fil-kunsill tal-ministri mentri għal min ħadem ġewwa l-Unjoni Ewropea jifhem li huwa utilissmu għax iżomm il-proċess miexi mingħajr ma ssir ħsara. Jiddibatti wkoll b’interess in-nazzjonaliżmu u l-patrijottiżmu. Imma l-iktar li tammirah huwa li jara l-Unjoni Europea bħala strument veru għall-paċi li tant għandna bżonn llum u fil-futur tagħna. Waqt però li lestejt minnu u għalaqtu sejjer għall-ktieb ieħor li xtrajt għidt ukoll li l-proġett mhux biss irridu niddefenduħ imma nsostnuh. Ma għandniex nabbandunawh imma nagħmlu aħjar jekk nesiġu li nibqgħu niktbu dwaru. Li nibqgħu nesiġu jkollna dawk li fil-gazzetti u fil-medja jispjegaw bid-dettal dak li huwa għaddej. Għandna bżonn aktar Ewropa fil-ħajja politika tagħna. Iktar kitba intelligenti dwarha. Għax għal kull ċittadin tifhem aktar kemm għandu dritt għalih. Kunċett spjegat tajjeb bħal ma sibt f’dan il-ktieb verament barra mis-soltu.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 21 ta’ Ottubru, 2025.
//= $special ?>